Claudio Ranieri għadu rrabbjat għall-iżbalji tat-team tiegħu

Il-coach ta’ Sampdoria Claudio Ranieri deher ferm irrabjat għall-mod ta’ kif tilfu l-konfront li kellhom il-Ħadd filgħaxija f’darhom kontra Bologna bl-iskor ta’ 2-1.

L-ex coach ta’ Inter, Juventus, Chelsea u Leicester City fost l-oħrajn qal li r-referee Doveri xejn ma kien preċiż fid-deċiżjonijiet tiegħu u fl-opinjoni tiegħu kkastiga lil Sampdoria f’ċerti episodji.

Minkejja kollox, Ranieri ammetta wkoll li l-players tiegħu għamlu diversi żbalji li pattew qares għalihom.

L-istatistika wara l-waqfa sfurzata tal-Covid-19 xejn m’hi favur il-Blucerchiati minħabba li s’issa għadhom ma kisbu l-ebda punt wara tliet logħbiet. Fil-fatt minbarra t-telfa kontra Bologna, huma baqgħu b’xejn anke fil-konfronti kontra Inter u Roma. 

Il-klassifika tad-Doriani ma tantx hi waħda sabiħa meta bħalissa jinsabu r-raba’ mill-aħħar b’26 punt minn 28 logħba daqs il-ġirien Genoa.

Finalment Ranieri ammetta li jrid iktar mill-players tiegħu jekk verament iridu jsalvaw l-istaġun li kien fih minn kollox.

Share With: