Cristiano Ronaldo jiċċelebra r-rebħ tas-Serie A b’jott ta’ €5.5 miljun

Cristiano Ronaldo ċċelebra r-rebħ tal-Kampjonat tas-Serie A ma’ Juventus bi stil hekk kif nefaq xejn inqas minn €5.5 miljun biex jixtri jott ġdid mill-aktar lussuż.

Il-player ta’ 35 sena assigura r-rebħ tas-seba’ titlu domestiku fil-karriera tiegħu wara r-rebħa ta’ 2-0 kontra Sampdoria nhar il-Ħadd li għadda, fejn huwa skorja l-ewwel goal.

Din hija t-tieni sena konsekuttiva li l-goals ta’ Ronaldo xprunaw lill-Biansconeri biex jirbħu l-Kampjonat tas-Serie A, u żgur li hu kien jinsab fil-burdata biex jiċċelebra dan it-titlu bl-aqwa mod possibbli.

Ġew pubblikati ritratti tal-istilla Portugiża jirrilassa mal-familja tiegħu fuq il-jott li għandu ħames kabini, sitt kmamar tal-banju, sala kbira u kċina kontemporanja.

Huwa mifhum li Ronaldo għażel dan il-jott wara li rah fix-shipyards fi Viareggio, u hu u l-maħbubin tiegħu baħħru fuqu għall-ewwel darba fl-ibħra ta’ Celle Ligurie matul il-ġimgħa li għaddiet.

Is-sieħba tiegħu Georgina Rodriguez ippubblikat ritratti ta’ Ronaldo qed jiekol ikla kbira qabel ħa għawma u kafé.

Fuq il-jott kien hemm ukoll l-erbat itfal tiegħu, Cristiano Jr ta’ 10 snin, Mateo u Eva Maria ta’ tliet snin u Alana Martina ta’ sentejn.

Huwa mifhum li li din il-familja qed tippjana li tqatta’ l-vaganzi tas-sajf fuq dan il-jott, ladarba jintemm l-istaġun ta’ Juventus. Dan hekk kif il-Bainnonerei fadlihom partita waħda mill-kampjonat tas-Serie A kontra Roma nhar is-Sibt li ġej, waqt li għadhom involuti fil-UEFA Champions League, fejn fis-7 ta’ Awwissu jilagħbu t-tieni leg mir-round tal-aħħar 16 kontra Lyon.

Lyon għandhom vantaġġ ta’ goal,hekk kif huma kienu rebħu l-ewwel leg bl-iskor minimu ta’ 1-0, u m’hemmx dubju li Ronaldo se jkun qed jagħmel minn kollox biex jgħin lil Juventus jaqilbu r-riżultat favur tagħhom bit-tama li l-Bianconeri ikomplu javvanzaw f’din il-kompetizzjoni u jirbħuha għall-ewwel darba mill-1996.

Jekk jiġri hekk, din tkun is-sitt Champions League mirbuħa minn Ronaldo fil-karriera glorjuża tiegħu. Dan hekk kif huwa rebaħ din il-kompetizzjoni darba ma’ Manchester United u erba’ darbiet ma’ Real Madrid.

Share With: