Daqqa ta’ ħarta għal Man Utd … Bellingham jagħżel lil Borussia Dortmund

Borussia Dortmund akkwistaw lil Jude Bellingham mingħand Birmingham City fuq kuntratt ta’ ħames snin għas-somma ta’ £21 miljun.

Dan il-player żagħżugħ, li għadu kemm għalaq 17-il sena, attira l-interess ta’ bosta clubs wara li kellu wirjiet impressjonanti taħt il-gwida tal-coach Pep Clotet, speċjalment fit-tieni round taċ-Championship.

Dortmund kienu ilhom li tefgħu ħarsithom fuq dan il-player, u ffaċċjaw sfida minn Manchester United qabel assiguraw is-servizzi ta’ dan il-midfielder.

B’hekk din kienet it-tieni daqqa ta’ ħarta għall-club immexxi minn Ole Gunnar Solskjaer hekk kif ftit tal-jiem ilu sar magħruf li ż-żagħżugħ Angel Gomes se jkun qed iħalli lill-club fuq free transfer wara li jiskadilu l-kuntratt tiegħu mar-Red Devils.

Waqt li Bellingham ma kienx l-akbar xewqa għal Solskjaer, hekk kif dan kien Jadon Sancho, huwa jirrappreżneta iktar tfixkil għall-pjani ta’ akkwisti matul dan is-sajf għar-Red Devils.

Dan hekk kif Manchester United iktar kmieni matul din is-sena kienu firxu t-tapit l-aħmar għal dan il-player minħabba huma kienu tal-fehma li kienu l-club perfett biex dan il-player ikompli jiżviluppa.

Iżda jidher li t-track record li għandhom Borussia Dortmund li jgħinu lill-players żgħażagħ biex ikomplu jimirħu u juru fid-deher il-talent tagħhom kif għamlu ma’ Jadon Sancho u Erling Haaland, kienu xprun ewlieni biex Bellingham jagħżel lilhom u mhux lil Manchester United.

Share With: