“Dejjem użaw is-sens komun għax il-baħar żaqqu ratba u rasu iebsa”

Il-lifeguards tal-Malta Red Cross min-nofs Ġunju diġà taw mas-60 assistenza fil-baħar

Minn – CARMEN CACHIA

Beda l-istaġun tas-sajf fejn il-bajjiet f’Malta qegħdin jerġgħu jkunu ffullati bin-nies jgħumu. Din is-sena r-rilassament u l-pjaċir li joffri l-baħar se jinżel aktar għasel wara perjodu twil magħluqa fid-djar minħabba l-Coronavirus. Servizz li ilu jsir għal dawn l-aħħar snin, iżda ma tantx hawn daqstant għarfien dwaru u dwar l-importanza tiegħu, huwa dak tal-lifeguards li huwa mifrux f’għadd ta’ bajjiet f’Malta u Għawdex. Inewsmalta.com tkellem mal-Malta Red Cross fejn ħabbru li mill-14 ta’ Ġunju ta’ din is-sena diġà ngħataw madwar 60 assistenza fil-baħar u saħqu fl-importanza li l-pubbliku juża l-prudenza u s-sens komun għal meta l-baħar ikun imqalleb minħabba l-periklu li jidħlu fih dawk li xorta waħda jmorru jgħumu.

Il-Malta Red Cross, imqabbda mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, toffri dan is-servizz ta’ għajnuna għal min isib ruħu f’diffikultà waqt l-għawm u jkopri l-bajjiet pubbliċi prinċipali li fihom hemm żona riservata għall-għawwiema. Il-lista tal-bajjiet lokali li fiha nsibu l-lifeguards tiġi deċiża wara li jsir assessjar ta’ riskju skont il-livell Ewropew.

L-14-il bajja li fihom bħalissa hemm il-lifeguards huma l-Ġnejna, Għajn Tuffieħa, il-Bajja tal-Mixquqa (Golden Bay), l-Għadira, il-Bugibba il-Perched Beach, Qawra Point (Ta’ Fra Ben), il-Bajja ta’ San Ġorġ, il-Balluta, l-Exiles, Fond Għadir, Fajtata, il-Bajja s-Sabiħa, Għar Lapsi u ż-Żurrieq.

Hija deċiżjoni tal-awtoritajiet liema bajjiet joffru s-servizz tal-lifeguards. Ta’ kull sena jiżdiedu l-bajjiet mgħassa minn dawn il-ħaddiema bil-malja bil-għan li jissaħħaħ ir-rispons mill-baħar biex ikunu jistgħu jassistu f’dawn il-postijiet b’aktar effiċjenza. Is-sena l-oħra r-Red Cross irreġistra total ta’ madwar 180 assistenza fil-baħar. 

Min huma dawn l-eroj fil-bajjiet tagħna?

Kull xogħol fih l-isfidi tiegħu u kif wieħed jista’ jimmaġina, dan ix-xogħol jattira lejh persuni li jħobbu l-istaġun tas-sajf, kif ukoll lil dawk li jkunu fiżikament b’saħħithom minħabba n-natura tax-xogħol. 

It-taħriġ biex persuna ssir lifeguard huwa maqsum fi tliet kategoriji prinċipali – taħriġ fiżiku; taħriġ edukattiv dwar prattiċi ta’ lifeguarding; u taħriġ fl-ewwel għajnuna. Dan il-kors idum għaddej numru ta’ ġimgħat bit-taħriġ ikompli għaddej tul l-istaġun kollu.

Mistoqsija x’jikkostitwixxi eżattament dan ix-xogħol, kelliema għar-Red Cross Malta qaltilna li, “primarjament xogħol il-lifeguard huwa li jgħasses il-bajja bil-għan li jipprevjeni li jinqala’ xi inċident. Pereżempju meta l-baħar ikun perikoluż għall-għawn il-lifeguard jinżel mit-torri jkellem lin-nies bil-għan li jikkonvinċihom biex ma jinżlux jgħumu”. Min-naħa l-oħra, hija kompliet, il-lifeguard qiegħed hemm biex jagħti l-assistenza tiegħu f’każ ta’ inċident fil-baħar jew inkella jagħti l-ewwel għajnuna lin-nies li jkollhom xi problemi mediċi waqt li jkunu fuq il-bajja.

Żewġt ibnadar ħomor ifissru periklu…

Rigward sitwazzjonijiet fejn minkejja li l-baħar ikun imqalleb minħabba maltemp, ikun hemm xi nies li xorta jagħżlu li jinżlu jgħumu, ir-Red Cross qal li l-lifeguard jista’ jissuġġerixxi lil dawn il-persuni biex ma jgħumux. 

“Jekk iż-żewġt ibnadar ħomor ikunu mtellgħin u l-persuna xorta tibqa’ twebbes rasha, il-lifeguard mhuwiex obbligat li jinżel jagħmel salvataġġ,” spjegaw ir-Red Cross. Proprju f’dan il-kuntest l-appell tagħhom huwa li għandna dejjem nużaw is-sens komun hekk kif il-baħar għandu żaqqu ratba, imma rasu iebsa. 

Għalhekk, filwaqt li huwa tajjeb li wieħed imur igawdi mal-familjari u l-ħbieb tiegħu l-bajjiet sbieħ li joffri pajjiżna, għandna nżommu f’moħħna li jekk fuq il-bajja li nkunu fiha jittellgħu żewġt ibnadar ħomor, dan ifisser li hemm livell ta’ periklu għall-għawwiema. Huwa importanti li wieħed jieħu ħsieb is-sigurtà tiegħu, tat-tfal jew tal-persuni vulnerabbli li jkunu miegħu u biex nagħmlu l-aħjar użu mis-servizz u nimxu mad-direzzjonijiet tal-lifeguards. 

Filwaqt li nirringrazzjaw lir-Red Cross Malta u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu għal dan is-servizz tant importanti, nawguraw lil kulħadd staġun tal-għawm mill-aqwa!

Share With: