Divorzju bejn Mohamed Salah u Liverpool?

L-attakkant internazzjonali Eġizzjan, Mohamed Salah, ta ndikazzjoni li jista’ jitlaq lil Liverpool wara li għenhom jirbħu kemm il-UEFA Champions League kif ukoll il- Premier League Ingliż.

Dan kollu kien qed iseħħ waqt dikjarazzjoni li ħalla fuq il-mezzi tax-xandir Kolombjani fejn qal li l-futur ħadd ma jaf x’fih u x’jista’ jiġri fih. Dan kollu jista’ jfisser li Salah fadallu ftit ġranet mar-Reds u qed jaħseb biex jibda avventura ġdida.

Madankollu ħafna qegħdin jgħidu li din hi biss spekulazzjoni u kien hemm min interpreta dawn il-kliem u dawwarhom kif xtaq hu.

Salah għandu 28 sena u kien parti integrali mis-suċċess tat-team immexxi minn Jurgen Klopp meta skorja xejn inqas minn 94 goal f’151 dehra f’kull kompetizzjoni. Huwa ngħaqad mar-Reds mingħand Roma fl- 2017.

Salah għad jonqsu tliet snin kuntratt mar-Reds. F’dan l-intervent huwa qal li jrid igawdi l-preżent sabiħ li għaddej minnu għax il-futur huwa mistur u ħadd ma jaf x’fih. Hu sostna li jinsab kuntent b’dak li kiseb ma’ Liverpool speċjalment minħabba li ilhom ma jirbħu trofej prestiġjużi bħal dawn għal ħafna żmien.

Il-player internazzjonali Eġizzjan ma naqasx milli jfaħħar lill-coach Ġermaniż Jurgen Klopp li fissru bħala strumentali sabiex waslu dawn is-suċċessi kollha. Huwa qal li l-players kollha ħadmu qatigħ flimkien miegħu u l-għaqda li ntweriet kienet waħda impressjonanti.

Salah qal li biex tasal għal dawn it-tragwardi hemm ħafna xogħol involut u fuq kollox irid ikun hemm mentalitá rebbieħa, xi ħaġa li Klopp irnexxielu jnissel fil-plejers tiegħu.

Huwa temm jgħid li dan l-istaġun se jibqa’ jiftakru għal ħajtu kollha mhux biss minħabba r-rebħ tal-kampjonat Ingliż iżda wkoll għall-waqfa sfurzata tal-Covid-19 li waqqfet ħesrem il-logħob milgħub fl-Ingilterra.

Fil-passat huwa lagħab ukoll ma’ Basel, Chelsea, Fiorentina u Roma.

Share With: