“Dwar Egrant aktar minn konvint li dak li Caruana Galizia kienet qed tgħid dwar Joseph u Michelle Muscat kien falz”

Dalgħodu se tkun qed tkompli l-inkjesta pubblika fir-rigward tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Quddiem l-Imħallef Emeritus Michael Mallia, l-eks-Prim Imħallef Joseph Said Pullicino, u l-Imħallef Abigail Lofaro kkum mistenni li jagħti x-xhieda tiegħu l-eks-Kap tal-Komunikazzjoni fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Kurt Farrugia.

Caruana Galizia kienet inqatlet b’bomba fil-karozza tagħha nhar is-16 ta’ Ottubru tal-2017. Tliet irġiel – George u Alfred Degiorgio, u Vince Muscat – jinsabu mixlijin li wettqu l-qtil. Dan filwaqt li Yorgen Fenech huwa mixli li kien il-mandat tad-delitt.

Agħmel refresh tal-paġna biex tara l-aħħar aġġornamenti

12.47: Vella ttemm ix-xhieda tagħha. is-seduta li jmiss se tkompli nhar l-erbgħa li ġej fid-9.15 a.m.

12.45: Tgħid li PR 115/17 fuq is-sit tal-Pulizija, li jirrispondi għal artiklu li deher fuq in-Nazzjon, li kien jgħid li Mizzi u schembri kienu se jiġu mixlijin dwar il-Panama Papers, kien tneħħa minn fuq is-sit.

12.40: Vella tgħid li Glenn Bedingfield, Neville Gafà u “ġurnal suppost indipendenti” kienu mexxew attakk ikkordinat fil-konfront ta’ Caruana Galizia bil-għan li din tidher bħala aġent tal-PN.

12.39: L-Imħallef Abigail Lofaro tgħid li Farrugoa jkollu jerġa’ jissejjaħ jagħti x-xhieda tiegħu.

12.38:  Vella tħid li Caruana Galizia kienet spiċċat ir-raġuni għall-elezzjoni bikrija tal-2017. Madankollu tgħid li s-sekwenza tad-dari turi li dan ma kienx korrett. Tgħid li Kurt Farrugia ma kienx qed iwieġeb telefonati tagħha, apparti meta kien ċemplilha fis-6.15 a.m. fejn talabha tneħħi blog post. Tgħid li Caruana Galizia kienet ġiet skreditata bħala sors kredibbli u li l-Gvern ma kienx qed iwieġeb għall-mistoqsijiet tagħha.

12.32; Vella tgħid li oħtha kienet qalet li kienet spiċċat “scapegoat” nazzjonali u li dan kien ilu għaddej għal dawn l-aħħar 30 sena. Vella tgħid li l-intervista li kienet żvolġiet fl-2017 kienet dwar theddid. Dan kien madwar ġimagħtejn qabel il-qtil ta’ Daphne.

12.30: Vella ssemma rekording ta’ Daphne. L-awdjo tar-rekording mhuwiex ċar. Vella tgħid li r-rekording huwa ta’ Daphne titkellem ma’ min kien qed jintervistaha dwar proġett ta’ riċerka fejn ma kinitx se tissemma. Il-proġett kien għall-Kunsill tal-Ewropa dwar is-sigurtża tal-ġurnalisti.

12.29: Farrugia jtemm ix-xhieda tigħu. Tibda tagħti x-xhieda tagħha oħt Daphne Caruana Galizia, Corinne Vella.

12.22: Azzopardi jistaqsi jekk Farrugia huwiex qed jitħallas mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru apparti minn Malta Enterprise. Farrugia jwieġeb li le. Farrugia jwieġeb ukoll li qatt ma ra lil Brian Tonna fl-OPM wara l-2017, u li ma jaf xejn dwar desk ta’ Tonna fl-OPM.

12.18: Farrugia jgħid li qatt ma għamel tali mistoqsija lil Mizzi.

12.17: L-Avukat Lia joġġezzjona għall-mistoqsija li saret lil Farrugia.

12.15: Farrugia jgħid li Konrad Mizzi kien informah li kien qed ifittex assistenza legali internazzjonali. Azzopardi jistaqsih jekk min-naħa tiegħu kienx staqsa lil Mizzi kif kien se jħallashom minħabba li dawn normalment jitolbu ħlas għoli.

12.05: Jgħid li meta Mizzi kien tneħħa mill-pożizzjoni ministerjali, kien diffiċli ferm biex ċerti proġetti jingħalqu. jgħid li Schembri kien jikkordina ċertu xogħol. Iżid jgħid li Schembri kien jiżola lilu nnifsu dwar ċerti deċiżjonijiet.

12.03: Farrugia jiġi mistoqsi dwar Konrad Mizzi, u jwieġeb li kien tal-fehma li persuni fil-kariga ta’ mizzi ma setgħux ikunu involuti f’kontroversi minħabba li l-pożizzjoni tagħhom ma tkunx tenibbli.

11.59: Azzopardi jistaqsi lil Farrugia jekk kienx talab lill-Prim Ministru biex jiddiskutiha flimkien miegħu u ma’ Schembri. Farrugia jgħid li l-Prim ministru seta’ kien mitlub jattendi, iżda ma jiftakarx eżatt.

11.58: Azzopardi jistaqsi lil Farrugia dwar 17 Black, li f’Novembru tal-2018 kien sar magħruf li hija ta’ Yorgen Schembri. Farrugia jgħid li wara li kien tkellem ma’ Schembri dwar 17 Black u li kien sab it-tweġibiet tiegħu bħala mhux sodisfaċenti. Farrugia jgħid li Schembri kien sorpriż bl-ammont ta’ dettalji tal-mistoqsijiet.

11.55: Farrugia jgħid li kien tkellem ma’ Keith Schembri dwar l-impatt negattiv tal-ftuħ ta’ kumpaniji f’ġurisdizzjonijiet sigrieti. Azzopardi jistaqsi lil Farrugia jekk għadux jemmen li Schembri kien onest miegħu. Farrugia jgħid li jippreferi li jimxi mal-fatti. Farrugia jgħid li f’Novembru tal-2018, huwa kien sar jaf dwar storja li tikkonċerna lil Keith Schembri u li kienet ippubblikata minn Reuters u Times of Malta wara li kien irċieva mistoqsijiet mill-ġurnalisti. Jgħid li kien tkellem ma’ Schembri dwar dan.

11.48: Azzopardi jgħid li l-poplu Malti kien sar jaf dwar din il-laqgħa mill-midja fl-Ażerbajġan. Farrugia jisħaq mill-ġdid li kien tal-fehma li l-midja kellha takkumpanja lill-Prim Ministru. Azzopardi jissuġġerixxi li Farrugia kellu struzzjonijiet biex ma jweġibx mistoqsijiet ta’ Caruana Galizia dwar ċerti suġġetti. Farrugia jiċħad dan.

11.46: Azzopardi jistaqsih jekk sabiex stramba li l-ebda midja ma kienet preżenti fl-Ażerbajġan fl-2014. Farrugia jgħid li dan kien ġie diskuss u dak iż-żmien kienu ħasbu li ma kienx hemm il-ħtieġa ta’ midja. Jgħid li minn dan kienu tgħallmu, madankollu s-suspeti li tqajmu b’rabta ma’ din iż-żjara kien kollu “duħħan fl-ajru”.

11.45: Azzopardi jgħid li Farrugia kien vjaġġa mill-ġdid l-Ażerbajġan fl-2015 mal-Prim Ministru. Kienu ltaqgħu mal-Prim Ministru tal-Ażerbajġan, u Muscat kellu jitkellem f’konferenza. Farrugia jikkonferma dan u jgħid li TVM u d-DOI kienu invitati għal dawn il-laqgħat madankollu kien hemm problema bil-connection flights fi Franza.

11.43: Azzopardi jgħid li f’Diċembru tal-2014, Farrugia kien vjaġġa l-Ażerbajġab ma’ Joseph Mucat. Id-delegazzjoni kienet tikkonsisti wkoll minn Keith Schembri u Konrad Mizzi. Jistaqsih għaliex il-midja ma kinitx mistieda takkumpanja d-delegazzjoni tal-Gvern. Farrugia jgħid li l-midja ma kinitx informata minħabba li kien se jkun hemm stqarrija pbblika dwar iż-żjara.

11.41: Azzopardi jitlob formalment lix-xhud biex f’seduta oħra jipprovdi l-aħħar komunikazzjonijiet li kellu ma’ Caruana Galizia.

11.38: Farrugia jiċħad li ma kienx wieġeb lil Caruana Galizia wara li kienet ippubblikata l-istorja tal-Panama fl-2016.

11.35: Farrugia jgħid li dan il-premju kien issemma diversi drabi, anke f’pubblikazzjonijiet internazzjonali. Azzopardi jgħid li kuntrarjament għal dak li qal Farrugia, il-premju ta’ €1 miljun qatt ma reġa’ ssemma mill-ġdid.

11.33: Farrugia jgħid li kien jirċievi mat-tliet talbiet fil-ġimgħa għal intervista mal-Prim Ministru. Azzopardi jistaqsi lil Farrugia dwar il-premju ta’ €1 miljun lil min jagħti informazzjoni dwar il-qtil ta’ Caruana Galizia.

11.30: Farrugia jitkellem dwar ir-relazzjonijiet li kellu ma’ ġurnalisti. Jgħid li kien jikkomunika ma’ Caroline Muscat ta’ The Times of Malta b’mod regolari, anke jekk kienet kritika tal-Gvern. 

11.28:  Farrugia jgħid li Daphne Caruana Galizia ma kellhiex akkreditazzjoni taħt il-Liġi tal-Istampa.

11.21: Farrugia jgħid li Alexander Clapp kien ġurnalist freelance li preċedentement kien jaħdem ma’ The Economist. kien Clapp li kien għamel it-talba għal intervista permezz ta’ imejl li ntbagħtet minn account tal-Gmail.

11.20: Farrugia u l-avukat Pawlu Lia joġġezzjonaw.

11.19: Azopardi jgħid li kien se jippreżenta xhieda li tikkontradixxi dak li Farrugia kien qal.

11.19: Farrugia jgħid li kien kiteb lura lill-ġurnalist fejn kien qallu li jistgħu jiltaqgħu, madankollu ma jitkellmux fuq ċerti kwistjonijiet minħabba l-inkjesta maġisterjali li kienet għaddejja.

11.17: Farrugia jgħid kif darba minnhom kien irċieva imejl mingħand ġurnalist, liema imejl kienet intbagħtet minn Gmail account. Il-ġurnalist qal li kien jaħdem ma’ The Economist. Qal li wara li kien għamel kuntatt ma’ The Economist kien ikkonfermat li dan il-ġurnalist ma kienx jaħdem magħhom.

11.14: Azzopardi jgħid li Josepg Muscat kien waqaf jagħti intervisti wara l-intervista ma’ John Sweeney tal-BBC. Jistaqsih x’istruzzjonijiet kienu ngħataw biex jiġu rifjutati l-intervisti. Farrugia jgħid li kien isir assessjar tat-talbiet għall-intervisti.

11.11: Azzopardi jirreferi għar-rapport tal-NAO dwar il-proġett tal-power station. Jistaqsih jekk jibqax jgħid li qatt ma ra lil dawn il-persuni l-kwartieri tal-PL. Farrugia jwieġeb li iva, jibqa’ jgħid hekk.

11.09: Azzopardi jistaqsih jekk qattx ra lil Yorgen Fenech qabel l-elezzjoni tal-2013 “fl-engine room̦ tal-kampanja elettorali. Jistaqsih jekk qattx ra lil Fenech, Mark Gasan jew Peter Apap Bologna fil-kwariteri tal-PL. Farrugia jwieġeb li le.

11.07: Farrugia jibda jiġi mistoqsi mill-Avukat Jason Azzopardi li qed jirrappreżenta l-familja Caruana Galizia.

11.05: Mistoqsi dwar is-sigurtà f’Kastilja, Farrugia jgħid li din kienet kompetenza tal-FAM. Jirrimarka li r-relazzjoni tal-Gvern mal-midja kemm lokali u kif ukoll barranija kienet waħda tajba, anke meta s-sitwazzjoni kienet waħda diffiċli.

11.03: Farrugia jirreferi għal Egrant u jgħid li kien jaf li l-informazzjoni li kienet qed tiġi ppubblikata ma kinitx korretta. Jgħid li jinsab aktar minn konvint li dak li Daphne Caruana Galizia kienet qed tgħid dwar Joseph u Michelle Muscat kien falz.

10.58: Farrugia jgħid li ma kienx konxju dwar deċiżjonijiet għal aktar investigazzjonijiet fil-konfront ta’ Konrad Mizzi wara li l-Prim Ministru Muscat kien neħħielu l-portafoll tal-enerġija. Qal li kien jaf bl-intenzjoni ta’ Mizzi li jikkontesta għall-elezzjoni għal deputat mexxej, u kien talbu biex ma jikkontestax jekk kien hemm xi ħaġa li mhijiex sew. Farrugia jisħaq li ħafna drabi Caruana Galizia ma kinitx tkun korretta fl-informazzjoni li kienet tippubblika.

10.54: Farrugia jgħid li meta kien ikkonfronta lil Mizzi dwar dan, dan kien wieġbu li dan kien kollu “bluff”. Farrugia jgħid li dwar it-traħħis tat-tariffi tal-elettriku, il-PL kien analizza żewġ proposti. 

10.54: Farrugia jgħid li meta kien ikkonfronta lil Mizzi dwar dan, dan kien wieġbu li dan kien kollu “bluff”. Farrugia jgħid li dwar it-traħħis tat-tariffi tal-elettriku, il-PL kien analizza żewġ proposti. 

10.52: Ir-ritratt kienet referenza għall-kumpanija fil-Panama u t-trust fund fi New Zealand miftuħin minn Konrad mizzi, li dak iż-żmien kien qed jikkontesta għall-kariga ta’ deputat kap tal-PL.

10.51: L-Imħallef Mallia jirrimarka li tlett ijiem biss wara li l-Partit Laburista rebaħ l-elezzjoni tal-2013, kieu infetħu l-kumpaniji barranin. Farrugia jgħid li l-ewwel darba li l-ewwel darba li kien sema’ dwar suspetti ta’ affarijiet li ma kinux qed isiru sew kien meta Caruana Galizia kienet tellgħet ritratt ta’ kappell tal-Panama u ħaruf ta’ New Zealand fi Frar tal-2016.

10.50: Farrugia jiġi mistoqsi dwar l-espressjoni li Muscat kemm-il darba qal fejn jirreferi għal “żrara fiż-żarbuna”. Farrugia jgħid li xogħlu kien li jwassal il-messaġġ tal-Gvern permezz ta’ stqarrijiet u marketing. Jgħid li kulma għamel għamlu f’rieda tajba. Jgħid li ma jiftakarx laqgħa fejn ġew diskussi interessi personali.

10.41: Iżid jgħid li kien taboo għall-Partit Laburista li kien ikollu relazzjoni ma’ negozjanti. Jgħid li kienet waħda mill-kwistjonijiet prinċipali li kienu ġew indirizzati fl-2008. 

10.40: Farrugia jgħid li r-raba’ sular kien jintuża b’rabta ma’ pjanar elettorali.

10.39: Said Pullicino jistaqsi dwar ir-raba’ sular fil-kwartieri tal-Partit Laburista, li kienet saret referenza għaliha mill-Ispeaker Anġlu Farrugia fl-ittra ta’ riżenja tiegħu qabel l-elezzjoni tal-2013.

10.38: Farrugia jibda jiġi mistoqsi mill-Prim Imħallef Emeritus Said Pullicino.

10.37: Farrugia jgħid li ma kellux informazzjoni li ma għaddiex.

10.36: L-Imħallef Lofaro tgħid li kien hemm suspett li Farrugia kien żamm milli jagħti informazzjoni dwar il-Bank Pilatus.

10.33: Farrugia jgħid li dawn kienu jipprovdu konsulenza lill-Gvern u li kien jitkellem magħhom dwar relazzjonijiet mal-midja. Jgħid li kien ikollu kuntatt ma’ Robert Winstanley. Iżid jgħid li Chelgate ġieli kienet tiġi Malta.

10.33: Jiġi mistoqsi mill-Imħallef Michael Mallia dwar Chelgate, kumpanija Brittanika, u s-servizzi li din kienet tipprovdi lill-Gvern.

10.32: Farrugia jgħid li Muscat kien qal lil dawk preenti biex ma jsemmux ismijiet, iżda jirreferu biss għal inizjali. Jgħid li l-ebda ismijiet ta’ suspettati ma ssemmew.

10.30: Jiġi mistoqsi dwar il-briefing li kien sar fl-OPM dwar il-qtil ta’ Caruana Galizia. Jgħid li kien hemm preżenti il-brigadier, Keith Schembri, Keith Arnaud, u Joseph Muscat. Jgħid li ma jiftakarx jekk Silvio Valletta kienx preżenti.

10.28: Farrugia jiġi mistoqsi jekk kienx waqaf hemm ladarba qalulu li ma kellhomx konnessjoni mal-imsemmija kumpaniji. Farrugia jisħaq li ma kellu l-ebda mezzi biex jinvestiga, u ma setax jinterferixxi ma’ investigazzjonijiet.

10.27: Dwar il-Panama Papers, Farrugia jgħid li kien talab spjegazzjonijiet dettaljati minn Keith Schembri u Konrad Mizzi dwar il-kumpaniji fil-Panama. Qal li dawn kienu qalulu li l-informazzjoni ma kinitx veritiera u ċaħdu kull konnessjoni li kellhom ma’ dawn il-kumpaniji. l-istess għamlu fil-każ tal-kumpanija 17 Black.

10.24: Jgħid li kien ra lil Fenech darbtejn, darba waqt avveniment tal-power station, u darba oħra f’Kastilja, fejn possibbilment kien iltaqa’ ma’ Keith Schembri.

10.23: Farrugia jgħid li ma kienx konxju li Keith Schembri u Yorgen Fenech kienu tant viċin. L-Imħallef Abigail Lofaro tirrimarka li dawn kienu qishom aħwa. Farrugia jgħid li sar jaf dwar dan mill-midja, waqt l-arresti sussegwenti.

10.22: Jgħid li Bedingfield kien ġurnalisti, iżda li kellu aspirazzjonijiet politiċi.

10.21: Farrugia jgħid li ġieli twaqqfu stejjer milli jiġu ppubblikati minħabba li kienu ta’ natura wisq personali. Jirreferi għal storja li tikkonċerna lil Deputat tal-Oppożizzjoni li kien għaddej bi proċeduri fil-Qorti minħabba problemi familjari. Qal li qatt ma kienu ġew ippubblikati stejjer dwar dan.

10.19: jiġi mistoqsi jekk kienx involut fil-blog ta’ Glenn Bedingfield, u jgħid li ma kienx. 

10.17: Jiġi mistoqsi dwar informazzjoni mhux korretta mogħtija lill-midja dwar mottivi possibbli għall-qtil ta’ Caruana Galizia, fosthom il-kuntrabandu taż-żejt. Huwa jgħid li normalment kienu l-ġurnalisti li kienu javviċinawh għal informazzjoni.

10.16: Farrugia jgħid li l-ispiża tal-elettriku kienet kwistjoni dak iż-żmien, u Konrad Mizzi kien diġà wera interess fis-settur. Qal li Mizzi kien jgħid li jekk il-prezz tad-dawl kien se jonqos, allura dan kien se jkun qed jgħin lill-ekonomija.

10.15: Mistoqsi dwar Konrad Mizzi, Farrugia jgħid li kien sar jafu fl-2010 meta Muscat kien sejjaħlu fl-uffiċċju tiegħu. Mizzi kien introdott lilu bħala li ma kienx jgħix f’Malta, u li kien se jkun kandidat għall-elezzjoni ġenerali.

10.14: Farrugia jgħid li f’dak iż-żmien lanqas ma kien jaf min kien Yorgen Fenech. Jgħid li kien konxju tal-Grupp Tumas iżda qatt ma kellu interazzjonijiet magħhom. 

10.13: Mistoqsi dwar Keith Schembri, Farrugia jgħid li huwa ma kienx jaf verament lil Schembri, iżda kien jaf li kien ħabib tal-Prim Ministru. Jgħid li kien sar jafu tramite x-xogħol b’rabta tal-alelezzjoni tal-2013.

10.11: Iżid jispjega li l-ġurnalisti kienu qegħdin iċemplulu biex jikkonferma dak li kien ġara, u informahom biex imorru Kastilja għal konferenza tal-aħbarijiet. Farrugia iżid jgħid li f’dak il-ħin ma’ kienx ma’ Keith Schembri jew mal-Prim Ministru.

10.10: Farrugia jgħid li kulħadd kien taħt xokk.

10.09: Jgħid li Muscat kien qabbdu jċempel lill-brigadier u jinformah, li qal li probabbilment il-bomba kienet saret lil Daphne Caruana Galizia. Farrugia jżid jgħid li l-Prim Ministru kien imbagħad ċempel lill-Kap tal-Oppożizzjoni.

10.07: Jgħid li meta kienu kważi l-Belt Valletta, il-Prim Ministru kien irċieva messaġġ dwar bomba viċin il-Mosta, b’Muscat jirrimarka li minn hemm kienet tgħaddi martu biex tieħu lil uliedu l-iskola.

10.04: Jiġi mistoqsi fejn kien fil-mument meta nqatlet Caruana Galizia. Farrugia. Farrugia jgħid li kien hemm attività ma’ kumpaniji barranin f’Tas-Sliema. Jgħid li dak iż-żmien Caruana Galizia kienet naqqset l-attakki tagħha fuq il-Partit Laburista.

10.02: Farrugia jiġi mistoqsi jekk kellux kopji ta’ rapporti tal-FIAU. Jgħid li ma kellux. 

10.00: Mistoqsi jekk qattx tkellem ma’ Nexia BT, Farrugia jgħid li ma ħassx li kien il-kompitu tiegħu li jitkellem ma’ persuni li jifformaw parti minn strutturi li ma jifformawx parti mill-Gvern. Jgħid li b’mod definittiv dawn ma kellhomx uffiċċju f’Kastilja. Jgħid li l-managing partners ta’ Nexia BT Karl Cini u Brian Tonna għall-bidu kien ikollhom żjarat regolari fl-OPM biex jagħmlu xgħol ta’ awditjaw, iżda qatt ma kellhom uffiċċju speċifiku.

09.57: Farrugia jiġi mistoqsi jekk kienx jikkorrabora l-affarijiet li kienu jgħidulu Mizzi u Schembri. Farrugia kien jgħid li ġeneralment kien joqgħod fuq dak li kienu jgħidulu. 

09.57: Jiġi mistoqsi dwar jekk qattx tkellem mal-Prim Ministru Joseph Muscat dwar il-Panama Papers. Farrugia jwieġeb fl-affermattiv.

09.56: Farrugia jiġi mistoqsi dwar l-assistenti tiegħu, u jgħid li huwa dejjem kellu lil Matthew Carbone bħala assistent.

09.52:  Farrugia jgħid li ma jiftakarx eżattament x’kienet ir-reazzjoni tagħhom, iżda qalu li kienu ntqalu affarijiet li mhumiex korretti.

09.51: Farrugia jgħid li kien tkellem ma’ Mizzi u Schembri dwar il-Panama Papers biex jifformulaw reazzjoni. Huwa jiġi mistoqsi dwar x’kienet ir-reazzjoni tagħhom.

09.50: Jgħid li aktar kemm beda jgħadi ż-żmien hija bdiet issir dejjem aktar aggressiva, u kien hemm numru ta’ stejjer tagħha li bdew jiġu rapportati anke mill-midja aktar stabbilita, b’mod speċjali wara l-Panama Papers. Jgħid li ma kienx tkellem magħha dwar il-Panama Papers. Jgħid ukoll li ma jiftakarx jekk kinitx staqsietu xi ħaġa dwar Konrad Mizzi jew Keith Schembri.

09.49: Ikompli jgħid li għandu relazzjoni tajba mal-ġurnalisti kollha. Iżid jgħid li kienet takkużah ta’ kull xorta ta’ affarijiet, anke b’affarijiet personali intiżi biex iweġġgħuni. “Kienet issejjaħli qasir, oħxon, injorant…”

09.48: Farrugia jgħid li l-ftit interazzjonijiet li kellu ma’ Caruana Galizia kienu ta’ korteżija. Jgħid li qabel l-elezzjoni tal-2008, meta kien ġurnalist ta’ Maltastar, kien qed jirrapporta dibattitu bejn il-mexxejja politiċi fl-Università ta’ Malta. Jgħid li Caruana Galizia kienet preżenti u kien inqala’ inċident bejn iben Caruana Galizia u l-cameraman.

09.43: Jiġi mistoqsi kif kien jirreaġixxi għall-kritika minn Daphne Caruana Galizia fil-konfront tal-Gvern. Jgħid li x-xogħol ta’ Daphne ma bediex fl-2013, ida ferm qabel. Farrugia jgħid li Caruana Galizia kienet kritika ħafna tal-Partit Laburista. Jgħid li hija kienet tikkritika anke lil ġurnalisti li ma kinux ikunu kritiċi tal-Partit Laburista.

09.40: Farrugia jgħid li qabel l-2013 kien direttur tal-komunikazzjonijiet tal-Partit Laburista. Wara kien inħatar bħala Kap tal-Komunikazzjonijiet għall-Gvern bħala person of trust. Jgħid li taħtu kienu jaqgħu ħames persuni oħrajn, li xogħolhom kien li jiktbu stqarrijiet, rapportaġġ u kordinament. Kien hemm oħrajn inkarigati għal riċerka u marketing.

09.38: Kurt Farrugia jissejjaħ biex jitla’ jixhed.

Share With: