Edwin Vassallo jgħid li f’pajjiżna tant hawn min huwa mħasseb li mhux qed jiekol!

Fid-diskussjoni dwar l-abbozz ta’ liġi li jemenda l-Att dwar il-Mediċini, id-Deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo attakka lill-Gvern għall-ħidma li qed jagħmel biex is-sitwazzjoni politika f’pajjiżna tiġi lura għan-normalità. Vassallo qal li fil-bidu tal-imxija kien uża l-kliem li “qegħdin fi gwerra”.

Tenna li f’din il-gwerra ħadu sehem ħafna nies. “Il-vulnerabbli obdew imma kien hemm min ħallas qares. Kien hemm negozji li baqgħu għaddejjin anke jekk il-gvern naqas li jagħtihom l-għajnuna. Kellna bdiewa, raħħal u sajjieda li ssupplixxewna b’ikel frisk. Din il-gwerra tkompli. Għadna ma għaddejniex għan-normalità.”

Filwaqt li qal li l-Gvern qed jagħmel sew li jaħdem għan-normalità., tenna li dan min-naħa l-oħra mhuwiex qed jagħmel sewwa li jitkellem li jixtieq in-normalità imma qed iwettaq politika xejn normali, b’mod speċjali mill-allegazzjonijiet li qed isiru fil-Qorti. Huwa qabbel lil Malta ma’ pazjent li t-tabib qallu li qed ifiq u hekk kif ħareġ barra jintlaqat minn karozza. “Il-poplu Malti huwa dan il-pazjent,” temm jisħaq id-Deputat Nazzjonalista.

Intant id-Deputat Nazzjonalista kompla jisħaq li l-poplu huwa mħasseb mis-sitwazzjoni li qed taħkem lill-pajjiż b’allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni, tant li jaf b’sitwazzjonijiet ta’ nies tant huma mħassbin li mhumiex qed jieklu.

Id-Deputat Nazzjonalista żied jgħid li l-akbar eżami għal pajjiżna se jkun dak tal-Moneyval. Żied jgħid li “fil-mediċina kellna l-akbar skandli f’pajjiżna. Bil-bejgħ tal-isptarijiet il-ħmieġ li nħoloq issupera għal kollox il-liġijiet li jiggarantixxu trasparenza u kompetizzjoni ġusta. Tibda tinduna li hemm xi ħaġa kemm il-ħmieġ joħloq il-ħmieġ. Il-Vitals biċċa negozju maħmuġa ta’ €2 biljun.”

Share With: