Eks President tal-GWU maħtur Chairperson tal-MCESD

Il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela ħabbar lis-Sur James Pearsall se jkun qed jiġi maħtur Chairperson tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD). Is-Sur Pearsall ġie nominat mill-Gvern wara konsultazzjoni sħiħa mal-imsieħba soċjali membri fi ħdan il-Kunsill.

James Pearsall se jidħol fil-ħatra tiegħu fi tmiem ix-xahar ta’ Lulju u sadanittant se jkun hemm perjodu ta’ transizzjoni. Pearsall se jkun is-sitt chairperson tal-MCESD.

Il-Ministru Carmelo Abela rringrazzja lis-Sur John Bencini li għal seba’ snin qeda din il-funzjoni ta’ Chairperson tal-MCESD. F’dawn is-snin inkisbu bosta suċċessi fosthom il-ftehim dwar il-paga minima u ftit ilu patt soċjali dwar l-għajnuna lill-ħaddiema fiż-żmien il-pandemija tal-COVID-19.

Filwaqt li l-Ministru Abela awgura lis-Sur Pearsall għal ħatra tiegħu qal li jinsab konvint li huwa ser ikun qed jagħti l-kontribut tiegħu biex d-djalogu soċjali jkompli jissaħħaħ fl-interess tal-ġid komuni. Is-Sur Pearsall għandu esperjenza kemm fit-trejdjunoniżmu kif ukoll fl-amministrazzjoni.

Il-Ministru qal li b’din il-ħatra l-MCESD għandu jimxi iżjed ’il quddiem u għandu jsaħħaħ l-istrutturi tiegħu biex l-imsieħba soċjali jkomplu jsibu art komuni li fuqha jaħdmu flimkien.

Fi kliem Abela: “Għandna bżonn inkomplu niġġeddu bħala kunsill kemm fil-mod ta’ kif naħdmu u l-mod kif issir id-diskussjoni. Fiduċjuż li taħt it-tmexxija tas-Sur Pearsall ser ikollna dibattiti aktar b’saħħithom, fejn inħarsu lejn x’hemm bżonn isir għal futur u naffaċjaw l-isfidi preżenti li għandna bħal tibdiliet fil-liġi tax-xogħol. Diskussjoni oħra li trid issir hija dwar fejn ser nieħdu l-ekonomija ta’ pajjiżna u liema huma dawk l-attivitajiet ekonomiċi li pajjiżna għandu jagħfas aktar fuqhom. Fl-MCESD m’aħniex biss nitkellmu fuq l-iżvilupp ekonomiku imma anke dak soċjali, fuq dak kollu li jaffetwa l-ħajja tagħna fl-aspetti kollha tagħha. Konvint li ser inkomplu insaħħu din l-istruttura taħt is-Sur Pearsall, anke fil-qasam tal-amministrazzjoni interna tagħha biex l-MCESD taqdi l-irwol tagħha ta’ gwida lill-Gvern bl-aqwa mod”.

F’kummenti, is-Sur Pearsall irringrazza l-Ministru u l-Prim Ministru tal-fiduċja tagħhom. Huwa qal li “l-pass ’il quddiem huwa li l-konsultazzjoni tista’ issir qawwija, jekk kull entità li hemm fil-Kunsill tkun ippreparata iktar, billi anke l-MCESD stess tibda tippreżenta għad-diskussjoni suġġetti bbażati fuq riċerka, b’mod partikolari fejn jidħol il-ġid ta’ kull ċittadin sabiex ħadd ma jitħalla lura, u jkun jista’ jagħti kontribut tiegħu lill-ekonomija. Mingħajr ma jkollok l-ekonomija miexja ’l quddiem ma jistax ikollok l-ambitu soċjali b’saħħtu. Wara l-COVID-19 suppost ħadna ħafna tagħlimiet u għandna nagħmlu l-analiżi tagħhom. L-MCESD ta l-kontribut u l-parteċipazzjoni tiegħu għal pjan ekonimiku ta’ riġenerazzjoni. Issa jmiss li flimkien, bil-mezzi, bil-kuraġġ, bl-esperti u l-esperjenza kollha meħtieġa kemm fil-qasam tal-ħaddiema u min iħaddem, nagħqdu l-isforzi tagħna għal diskussjoni dwar il-bini ta’ pajjiż aħjar”.  

James Pearsall

Is-Sur James Pearsall beda l-karriera tiegħu fil-Malta Drydocks u kompla għal snin twal fil-qasam tat-taħriġ vokazzjonali mill-ftuħ tal-iskejjel tas-snajja, kif ukoll ipparteċipa bis-sħiħ fit-twaqqif tal-MCAST fejn irtira mill-pożizzjoni tiegħu bħala wieħed mid-diretturi fl-Istitut tal-Inġinerija tal-Bini u Konstruzzjoni. Is-Sur Pearsall ta l-kontribut tiegħu fil-qasam trejdunjonistiku fejn serva għal snin fil-kariga ta’ President tal-General Workers Unions u li permezz ta’ din il-kariga kien ukoll membru fl-MCESD.

Is-Sur Pearsall huwa gradwat f’livell ta’ Masters fl-HR Training & Performance Management kif ukoll Diploma fl-Istudju Soċjali. Hu jagħmel parti mill-bord edukattiv tal-IPS l-Istitut tas-Servizz Pubbliku, fejn isir it-taħriġ kontinwu tal-ħaddiema kollha tas-servizz pubbliku. Għal numru ta’ snin ilu jagħti il-kontribut tiegħu fil-qasam tax-xogħol perezz tat-Tribunal Industrijali.

Share With: