Eks-uffiċjal Nażist ta’ 93 sena jinstab ħati ta’ 5,232 kap ta’ akkuża li għen f’omiċidji

Qorti Ġermaniża sabet lil ek-suldat Nażist membru tal-SS, li llum għandu 93 sena, ħati li għen fil-qtil ta’ priġunieri fil-kamp ta’ konċentrament ta’ Stutthof, fejn kien serva bħala gwardjan matul l-aħħar xhur tat-Tieni Gwerra Dinjija.

Bruno Dey ingħata sentenza sospiża ta’ sentejn priġunerija mill-Qorti statali ta’ Hamburg.

Huwa nstab ħati ta’ 5,232 kap ta’ akkuża, li jammontaw għan-numru ta’ persuni li huma maħsubin li nqatlu f’Stutthof bejn l-1944 u l-1945, fix-xhur li kien serva bħala gwardjan fil-kamp ta’ konċentrament.

Huwa nstab ħati wkoll ta’ kap ta’ akkuża ta’ attentat ta’ qtil.

Minħabba li kien għad kellu 17, u aktar tard 18-il sena, meta twettqu l-allegati reati, il-każ ta’ Dey instema’ fil-Qorti tal-Minuri. Il-Prosekuzzjoni kienet qed titlob għal sentenza effettiva ta’ tliet snin priġunerija.

Share With: