“Emily, allavolja ċkejkna, kienet qaddisa żgħira”

Issir ċelebrazzjoni tal-anġli għal ruħ iċ-ċkejkna Emily

Dalgħodu ġewwa l-knisja tal-Fgura saret ċelebrazzjoni tal-anġli għal ruħ Emily, iċ-ċkejkna li saħret lil kulħadd bi tbissima safja tagħha u li sfortunatament dan ix-xahar ħalliet din id-dinja. Persuna li kienet qrib ta’ Emily meta kienet Malta qalet li, allavolja ċkejkna, kienet qaddisa żgħira. Waqt l-omelija, iċ-ċkejkna ġiet imxebbħa ma’ blanzun li kien għadu qed jiftaħ.

Ftit tal-ġimgħat ilu Emily kellha tagħmel operazzjoni li damet madwar 10 sigħat biex jitneħħa t-tumur li kellha. Din kienet operazzjoni meqjusa bħala ta’ suċċess fejn tneħħa 95% tat-tmur. Minkejja dan, il-kundizzjoni tagħha baqgħet kritika ħafna u wara kellha tagħmel operazzjoni oħra.

Iċ-ċkejkna kienet deskritta bħala tifla ferriħija għax minkejja t-tbatija kbira li kienet qed tgħaddi minnha, xorta waħda baqgħet bi tbissima innoċenti tagħha. Il-familja tixtieq tirringrazzja lil kull persuna li wriet solidarjetà magħha waqt dan iż-żmien diffiċli.

Share With: