Eric Dier sospi erba’ logħbiet u mmultat £40,000

L-FA Ingliża ħabbret li l-player ta’ Tottenhem Hotspur, Eric Dier, irċieva sospensjoni ta’ erba’ logħbiet u ġie mmultat £40,000 wara li tela’ fl-istands biex jikkonfronta partitarju wara l-eliminazzjoni mill-FA Cup kontra Norwich, fl-4 ta’ Marzu li għadda.

Dier deher tiela’ mas-siġġijiet waqt li kien involut f’konfrontazzjoni taħraq ma’ partitarju ta’ Norwich.

Sussegwentament, huwa nħareġ mill-istadium mill-istewards, wara li aktar tard sar magħruf li huwa kien aġixxa b’dan il-mod minħabba li kien ra lil ħuh jiġi abbużat verbalment minn partitarju avversarju.

Fi stqarrija uffiċjali, l-FA Ingliża qalet hekk: “Eric Dier ġie sospiż erba’ logħbiet b’effett immedjat, immultat £40,000 u mwissi li ma jistax jerġa’ jaġixxi b’dan il-mod skond ir-Regola tal-FA E3.”

“Il-player ta’ Tottenham Hotspur ammetta li l-azzjonijiet tiegħu fi tmiem il-partita kontra Norwich City fl-FA Cup fl-4 ta’ Marzu 2020 ma kinux xierqa iżda ċaħad li b’xi mod żamm lill-avversarju nvolut kontra r-rieda tiegħu.”

“Kummissjoni Regolatorja indipendenti sussegwentament ikkonfermat li l-azzjonijiet ta’ Eric Dier ma kinux f’lokhom hekk kif żamm partitarju avversarju kontra r-rieda tiegħu.”

Dan ifisser li Dier se jkun qed jitlef il-partiti kollha ħlief waħda li Tottenham Hotspur fadlilhom jilagħbu f’dan l-istaġun, b’dan il-player internazzjonali Ingliż jista’ jitqies bħala wieħed mill-players prinċipali fit-team immexxi minn Jose Mourinho.

Share With: