F1: Lewis Hamilton jirbaħ il-Grand Prix tal-Ungerija
Is-sewwieq Britanniku, Lewis Hamilton, kompla jimpressjona meta rebaħ it-tieni Grand Prix fi spazju ta’ sebat ijiem hekk kif iddomina dak tal-Ungerija, fiċ-ċirkwit ta’ Hungaroring, meta rreġistra ħin ta’ 1:36:12.473.
Din kienet it-tmien rebħa għalih fuq dan iċ-ċirkwit u s-86 waħda fil-karriera glorjuża tiegħu biex issa jinsab ħames rebħiet ‘il bogħod mill-ex sewwieq leġġendarju Ġermaniż, Michael Schumacher, li min-naħa tiegħu rebaħ seba’ titli mondjali waqt li Hamilton rebaħ sitta.
Interessanti huwa l-fatt li permezz ta’ din it-tmien rebħa f’dan iċ-ċirkwit huwa laħaq ir-rekord tal-istess sewwieq Ġermaniż.
Fit-tieni post temm l-Olandiż, Max Verstappen, fuq Red Bull li kellu tiġrija mill-aqwa meta fil-lap tal-warm-up huwa tilef il-kontroll tal-karozza bil-konsegwenza li kellu ħsarat fuq quddiem tal-vettura iżda l-mekkaniċi ta’ Red Bull għamlu l-impossibbli u rnexxielhom jirranġaw il-karozza tiegħu f’temp ta’ sekondi.
Il-Finlandiż, Valtteri Bottas (Mercedes), spiċċa fit-tielet post segwit mill-Kanadiż Lance Stroll (Racing Point), il-Britanniku Alexander Albon (Red Bull), il-Ġermaniż Sebastian Vettel (Ferrari) u l-Messikan Sergio Perez (Racing Point).
B’din ir-rebħa, Hamilton qabeż waħdu fil-quċċata tal-klassifika, bi 63 punt, segwit minn Bottas (58), Verstappen (33), Norris (26) u Albon (22).
Il-Mercedes qed jillijdaw il-klassifika tal-kosrtrutturi b’121 punti, segwiti minn Red Bull (55), Racing Point (40), McLaren (40) u Ferrari (27).