F1: Lewis Hamilton l-aktar veloċi fil-provi liberi fl-Awstrija

Lewis Hamilton wera biċ-ċar li se jerġa’ jkun forza ewlenija hekk kif finalment beda l-istaġun tal-Formula 1 bil-Grand Prix tal-Awstrija.

Iċ-champion tad-dinja kien l-aktar veloċi fiż-żewġ sessjonijiet tal-provi liberi fir-Red Bull Ring fejn temm qabel sieħbu fuq Mercedes, Valtteri Bottas.

Fir-ritorn tal-Formula 1, Mercedes żebgħu l-karozzi tagħhom suwed, li huwa riflessjoni ċara tas-sapport tagħhom kontra r-razziżmu u d-diversitá.

L-istagun qed jibda erba’ xhur tard wara li l-coronavirus ħarbtet għal kollox il-kalendarju tal-Formula 1.

Bi tmiem tiġrijiet li huma skedati għall-10 tmiem il-ġimgħa li gejjin, jidher li se jkun hemm attivitá qawwija f’dan l-isport waqt li bosta affarijiet għadhom mhux konfermati, hekk kif jiddependu minn kif il-coronavirus se tkompli taffettwa d-dinja.

Biex jerġa’ jibda l-kampjonat, l-F1 ħadet sensiela ta’ miżuri biex timminimizza r-riskji tal-coronavirus, bi protokolli ta’ distanza socjali u programm ta’ ttestjar.

U l-isport qed jagħmel diversi sforzi biex jippromwovi d-diversitá bħala riżultat tal-profil dejjem jikber tal-ġlieda kontra r-razziżmu wara l-protesti madwar id-dinja li waslu wara l-mewt makabra tal-Afro-Amerikan George Floyd li kien fil-kustodja tal-pulizija, f’Mejju li għadda.

F’kummenti li għadda wara dawn iż-żewġ sessjonijiet, Lewis Hamilton, saħaq li jinsab ferm kuntent bir-riżultat li kiseb iżda issa kollox jiddependi mill-wirjiet tiegħu kemm is-Sibt waqt il-pole position kif ukoll waqt it-tiġrija ta’ nhar il-Ħadd.

Huwa kompla li l-bidu li kellu hekk kif irritorna l-Formula 1 jawgura ferm tajjeb għal dan l-istaġun li ddeskrivieh bħala wieħed li se jkun ferm kumbattut minħabba li l-iskwadri l-oħra ssaħħu ferm.

Share With: