Felix Busuttil jappella li tingħata pet allowance apparti ċ-children’s allowance

Il-kandidat Laburista Felix Busuttil qal li l-annimali jgħixu magħna bħala parti mill-familja tagħna u għalhekk talab li mhux biss tingħata children’s allowance iżda anke pet allowance minħabba l-bżonnijiet ta’ kuljum, kif ukoll għal ċerti emerġenzi. 

Busuttil qal li dawn l-għotjiet jistgħu jingħataw anke f’forom ta’ vouchers, filwaqt li sostna li l-annimali jixraqilhom aħjar. 

Barra hekk, hu appella li jkun hemm inizjattivi nazzjonali biex jinqatlu inqas annimali għall-konsum mill-bniedem. Saħaq ukoll li għandu jkun hemm sptar b’xejn għall-annimali, ċimiterju, krematorju u santwarju. 

Ma’ dawn żied ukoll jitlob li tingħata protezzjoni serja, kemm lill-annimali, lill-ambjent u anke lis-siġar. Dan billi jkun hemm programm qawwi biex Malta u Għawdex jimtlew bis-siġar, pjanti, fjuri u ħdura. 

Busuttil jemmen ukoll li Ta’ Qali għandu jkun il-pulmun forestali ta’ Malta li fih għandu jkun hemm ġnien kbir mibni mill-Maltin stess.

Fuq kollox, il-kandidat Laburista jemmen li għandu nżommu l-indafa u anke jkun hemm liġijiet ħorox għal min ma jirrispettax il-ħolqien naturali. Iħoss li pajjiżna għandu jkun fl-ewwel post għad-drittijiet tal-annimali u għall-ħarsien tal-ambjent.  

Share With: