“Fiduċja fl-ekonomija tagħna li hi reżiljenti biżżejjed biex tleħħaq mar-riskji”

Il-Ministru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji, Edward Scicluna dwar il-konferma minn Fitch Ratings dwar l-istabbiltà ekonomika ta’ pajjiżna

Miktub minn MELVIN FARRUGIA

Il-Ministru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji, Edward Scicluna qal li d-deċiżjoni min-naħa ta’ Fitch Ratings li żomm ir-rating ta’ pajjiżna bħala wieħed stabbli hi waħda li timla lill-Gvern b’kuraġġ kbir, peress li dan juri li dawn l-aġenziji tar-ratings għandhom fiduċja fil-Gvern. 

F’kumment lil Inewsmalta il-Ministru Scicluna qal li l-aktar ħaġa importanti f’din ir-rating hi li nżamm stabbli, minkejja l-kwistjoni tal-pandemija u r-riskji kollha relatati magħha. Spjega kif dan ifisser li r-rating agency għandha l-fiduċja li l-ekonomija ta’ pajjiżna hi reżiljenti biżżejjed biex tleħħaq ma’ dawn ir-riskji, filwaqt li għamilha ċara li kieku ma kinux se jiddejqu jniżżluha minn stabbli għal negattiv.  

Għalhekk il-Ministru qal li din id-deċiżjoni ta’ Fitch timla lill-Gvern b’kuraġġ kbir, peress li r-rating agencies għandhom fiduċja f’dak li qed isir. Sostna li filwaqt li ħadd ma jaf kif se jkun il-futur f’dan iż-żmien ta’ inċertezza, min-naħa l-oħra l-ekonomija ta’ pajjiżna kienet reżiljenti biżżejjed biex tiflaħ għad-daqqiet u dawn ir-rating agencies għandhom il-fiduċja fina li se tirpilja. Fl-aħħar mill-aħħar qal li minkejja li l-ekonomija tagħna qalgħet id-daqqiet, l-aktar ħaġa sinjifikanti kienet li xorta baqgħet stabbli.  

Intant, fir-rapport tagħha, Fitch Ratings ħalliet lil Malta fil-klassifika tal-pajjiżi A+. Din l-aġenżija internazzjonali kkonfermat li l-prospetti għar-rating ta’ pajjiżna baqgħu stabbli minkejja l-impatt negattiv tal-pandemija li madwar id-dinja dejjem qed jiġi rivedut ‘il fuq.

Fil-fatt, mindu faqqgħet il-Covid-19, din l-aġenzija naqqset il-prospetti tal-Belġju, Franza, il-Latvja u Rumanija minn stabbli għal negattiv, filwaqt li naqqset ir-rating tar-Renju Unit minn AA għal AA- bi prospett negattiv u naqqset ir-rating tal-Islovakkja minn A+ għal A.

L-esperti ta’ Fitch Ratings, l-istess bħal dawk tal-IMF u tal-Kummissjoni Ewropea, qed ibassru li, minkejja d-dipendenza ta’ pajjiżna fuq industriji bħat-turiżmu, l-impatt tal-Covid-19 fuq Malta se jkun inqas minn dak fiż-Żona Ewro. Isostnu li l-andament ekonomiku ta’ pajjiżna se jkun 2.1 punti perċentwali aħjar mill-medja taż-Żona Ewro fl-2020. Filwaqt li fl-aġġornament preċedenti tagħhom l-esperti tal-Fitch kienu inċerti fuq it-tbassir tagħhom għal pajjiżna, issa sostnew li “we now believe risks to be more balanced”.

Ir-rapport jistqarr li “Malta’s medium-term potential growth remains strong and well above the eurozone average”. Dan ifisser li l-impatt tal-pandemija se jkun temporanju u mhux se jaffettwa l-potenzjal ekonomiku ta’ pajjiżna. Element importanti hu s-sostenn qawwi li se jkun qed jagħti l-Gvern li, skont il-Fitch Ratings, ilaħħaq aktar minn 10% tal-ġid nazzjonali.

L-esperti internazzjonali qed ibassru li, f’temp ta’ sentejn, mistenni jkun hemm “rebound in economic activity” li jwassal biex id-defiċit li jkun inħoloq biex isostni s-sostenn tal-Gvern, jerġa’ jiġi fil-livell stipulat fit-trattat ta’ Maastricht. Ta’ min jinnota li l-esperti tal-Fitch jgħidu li l-piż tad-dejn nazzjonali mhux ser jaqbeż is-60% tal-ġid nazzjonali, jiġifieri se jibqa’ ferm inqas mil-livell fl-2012.

Ir-rapport jipproġetta li, minkejja n-nuqqas ta’ domanda esterna, Malta se tibqa’ tesporta aktar milli timporta. L-esperti huma fiduċjużi wkoll fuq is-saħħa tal-banek Maltin li għandhom likwidità għolja ħafna.

Share With: