Fil-Qorti wara li neża’ l-malja u mmasturba quddiem it-tfal

Claudio Perossa ta’ 57 sena minn Trieste l-Italja u residenti San Pawl il-Baħar tressaq il-Qorti mixli li kkorrompa tfal taħt l-età, bl-iżgħar waħda minnhom ikollha sitt snin u li offenda l-morali f’post pubbliku.  

L-Ispettur John Spiteri spjega lill-Qorti kif nhar  l-Erbgħa li għadda, 15 ta, Lulju, ġewwa bajja f’Dawret it-Tunnara, limiti tal-Mellieħa kien hemm diversi nies jgħumu, uħud minnhom tfal taħt l-eta li kienu akkumpanjati mill-ġenituri tagħhom. 

L-Ispettur Spiteri qal li waqt li l-imputat kien qed jgħum fil-baħar u meta kien fuq il-blat kien ta’ spiss iniżżel il-malja tiegħu u nqabad jagħmel xi ġesti li ta x’jifhem li allegatament kien qed jimmasturba f’post pubbliku.

Qal li meta l-ġenituri ndunaw bih, huwa żgiċċa mill-post. 

Tlett ijiem wara, l-istess imputat reġa’ mar fl-inħawi tal-istess bajja u nzerta kien hemm l-istess tfal u xi tfal oħra. Meta rawh reġa’ ġie nnutat jimmasturba fil-bajja.

Żied jingħad li wieħed mill-ġenituri tat-tfal niżel bil-goggles jogħdos u seta’ jinnota li kien bla malja. Minnufih ċemplu lill-pulizija u l-imputat ġie arrestat minnufih.

Perossa wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih. Saret talba għall-ħelsien mill-arrest tiegħu bil-prosekuzzjoni toġġezzjona minħabba l-biża’ ta’ intralċ ta’ provi u l-fatt li mhux l-ewwel darba li huwa kien instab ħati ta’ reati simili. 

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello ċaħdet it-talba u ordnat li jinżamm taħt arrest preventiv. Il-Qorti ordnat ukoll divjet fuq isem il-minuri. 

L-Avukat Mark Vella Fenech deher għar-raġel.

Share With: