FILMAT: Kien Vince Gaffarena waqt li kien midrub li indika l-ismijiet tal-ġuvintur li sparaw lilu u qatlu lil kuġinuh

Ftit tal-ħin ilu tressqu l-Qorti taħt arrest Leon Debono ta’ 18-il sena minn Ħal Kirkop u Owen Schembri ta’ 18-il sena ukoll minn Ħal kirkop, fejn ġew mixlijin bil-qtil ta’ Saviour Gaffarena u l-attentat ta’ qtil ta’ kuġunih, Vince Gaffarena.

Il-Prosekuzzjoni spjegat li tard bil-lejl ta’ nhar l-Erbgħa li għadda kien sar rapport li f’vettura kien hemm raġel ferut u ieħor mejjet. Qal li l-ferut, Vince Gaffarena, kien saq fejn kien hemm uffiċjali tal-Pulizija fl-Imqabba, u qalilhom b’żewġ ismijiet ta’ ġuvintur li allegatament sparaw it-tiri fil-konfront tiegħu u ta’ kuġinuh. Iż-żewġ ġuvintur ġew arrestati ftit tal-ħin wara mill-Pulizija.

Il-Prosekuzzjoni żiedet tgħid li mill-investigazzjonijiet li saru rriżulta li dawn kienu fil karozza flimkien mal-kuġini Gaffarena fil-mument li seħħet l-isparatura.

Debono u Schembri wieġbu mhux ħatja tal akkużi miġjuba kontrihom u ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest bil-Qorti tordna li jinżammu arrestati.

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Keith Arnaud, Kurt Zahra u Melvyn Camilleri.

Debono qed ikun assistit mill-Avukat Giannella de Marco. Schembri huwa assistit mill-Avukati Arthur Azzopardi u Alfred Abela.

Ritratt ta’ Owen Schembri: Net News

Share With: