F’perjodu ta’ 3 xhur il-proposta tal-vawċers se tinjetta €44 miljun fl-ekonomija ta’ pajjiżna

Il-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar Silvio Schembri ħabbar li mil-lum bdew jitqassmu l-vawċers ta’ €100 li kienu mħabbra fil-pjan ta’ riġenerazzjoni x-xahar li għadda. Parti minn dan il-pjan ta’ riġenerazzjoni jinkludi li jitqassmu vawċers ta’ €100 lil kull persuna li għandha ‘il fuq minn 16-il sena li €80 minnhom jistgħu jiġu kkonsmati f’akkomodazzjoni, bars jew ristoranti filwaqt li l-€20 l-oħra jistgħu jintużaw f’dawk in-negozji, fosthom bħal tal-ħwejjeġ, tax-xagħar u dwiefer, li kellhom jagħlqu minħabba r-restrizzjonijiet li kien hemm biex tiġi mrażżna l-imxija tal-Covid-19 f’pajjiżna.  Il-Ministru Schembri fisser li f’perjodu ta’ 3 xhur, il-proposta tal-vawċers se tinjetta €44 Miljun fl-ekonomija ta’ pajjiżna. 

Waqt konferenza, il-Ministru Schembri spjega li t-tqassim se jkun proċess li jieħu madwar ġimgħa u nofs u permezz tagħhom kull persuna li għandha ‘l fuq minn 16-il sena, li jinkludi wkoll dawk li għalqu 16-il sena mit-8 ta’ Ġunju, se jkunu qed jirċievu dawn il-vawċers permezz ta’ posta reġistrata. B’kollox se jkunu qed jibbenefikaw mal-440,000 resident li huma Maltin, Għawdxin u dawk il-ħaddiema li għandhom permess ta’ residenza u xogħol f’pajjiżna li għandha ‘il fuq minn 16-il sena.

Il-Ministru Schembri spjega li se tkun qed tintuża sistema li hija maħduma fuq pjattaforma ta’ blockchain li se tassigura li l-proċess ikun wieħed tassew trasparenti. Il-vawċers għandhom numru ta’ features ta’ sigurtà fosthom li wieħed jista’ jiċċekja li l-vawċer huwa wieħed oriġinali billi jitpoġġa taħt dawl UV fejn permezz t’hekk għandha tillumina l-parti tal-vawċer fejn hemm €20.

Fil-konferenza ġie spjegat li wieħed għandu jiffirma meta jaslu l-vawċers id-dar u persuna tista’ tiffirma għall-persuni l-oħra li jgħixu fl-istess residenza f’każ li dawn ma jkunux id-dar. F’każ li ma jkun hemm ħadd fir-residenza meta jitqassmu l-vawċers, il-persuna għandha tieħu dik in-nota flimkien mal-karta tal-identità fl-eqreb uffiċju postali ta’ dik ir-residenza. Ġie spjegat li l-vawċers jistgħu jiġu trasferiti lill-persuni oħra tal-għażla tagħha u bħala assigurazzjoni tal-privatezza tal-individwu, il-Gvern mhux se jkun jaf fejn il-vawċers ikunu intefqu.

Il-Ministru Schembri qal li hija r-responsabilità tal-individwu li jieħu ħsieb il-vawċers għax ma jistgħux jinħarġu oħrajn. Huwa żied jgħid li raw entużjażmu kbir min-negozji fejn numru tagħhom qed jagħmlu promozzjoni flimkien ma’ dawn il-vawċers li se jwassal biex is-sistema tal-vawċers tkun aktar ta’ suċċess u għalhekk ikun hemm prospetti tajbin ħafna.

Għal raġuni ta’ sigurtà u b’rispett lejn il-pustiera nfushom, il-vawċers se jkunu attivati 24 siegħa wara li dawn jitqassmu u jistgħu jintużaw sal-aħħar ta’ Settembru. Kull vawċer jista’ jintuża darba biss u n-nefqa minima għandha tkun ta’ €20. Min-naħa tan-negozju huwa fi dmir li jiġbor il-vawċers li jkun irreġistra fl-istabiliment tiegħu. Il-Ministru appella lil dawk in-negozji li għadhom ma attivawx il-business account tagħhom biex jagħmlu dan mill-aktar fis possibbli u spjega li l-flus jidħlu direttament fil-kont bankarju tal-karta tal-identità li jkunu pprovdew huma.

Għal dawk l-individwi li jixtiequ jkunu jafu aktar informazzjoni wieħed jistgħu jibgħatu email fuq consumers@vouchersmimcol.com, iċemplu fuq il-helpline 80074904 jew iżuru s-sit vouchersmimcol.com

Share With: