Franck Ribery sodisfatt li rritorna u skorja

Minkejja li Fiorentina ħarġu telliefa kontra Lazio bl-iskor ta’ 2-1, kien hemm diversi diriġenti tal-club li kienu fiduċjużi li l-wirjiet tat-team se jitjiebu aktar ma jgħaddi ż-żmien. Fuq kollox, ħafna kienu kuntenti li l-attakkant veteran Franċiż, Franck Ribery, irritorna lura għal-logħob u li skorja goal mill-isbaħ sabiex poġġa lill-Viola temporanjament fil-vantaġġ.

Ribery kien ġej minn injury kerha li ħallietu nieqes mil-logħob għal diversi xhur. Sa ċertu punt il-waqfa sfurzata minħabba l-pandemija tal-Covid-19 għenitu sabiex jirkupra sew u jagħti sehmu għal dan it-tim fl-aħħar parti tal-istaġun. 

Fl-aħħar tal-partita, Ribery ma deherx kuntent bir-riżultat iżda sodisfatt li skorja. Huwa qal li l-għan tiegħu hu li jgħin lit-team jispiċċa f’pożizzjoni tajba fil-klassifika. Dan kien it-tielet goal li skorja l-player ta’ 37 sena fi 13-il dehra li kellu mal-club immexxi minn Giuseppe Iachini.

Share With: