Franco Debono: bl-informazzjoni li hemm fid-dominju pubbliku… ir-responsabbiltà politika diġà ntrefgħet

L-avukat Franco Debono jemmen li bl-informazzjoni li hemm disponibbli fid-dominju pubbliku bħalissa, diġà ntrefgħet ir-responsabbiltà politika u għalhekk jgħid li kull sejħa biex jitressqu politiċi hi fiergħa u ħela ta’ ħin u bżieq. 

Hu jispjega li l-kumment tiegħu hu bbażat u limitat għal din l-informazzjoni. Jisħaq li fil-Qorti jinġiebu l-provi u mhux x’jgħid jew jimmaġina spettur, iżda x’jgħidu x-xhieda. 

Debono jispjega li biex jitressqu n-nies l-Qorti hemm bżonn ħafna aktar provi milli jkun hemm bżonn biex jinkiteb blog, issir allegazzjoni, jinkiteb kumment jew inkella ssir protesta. 

L-avukat jistqarr li minn dak li ra fl-aħħar snin fid-dominju pubbliku, kien hemm evidenza varja li twassal biex tintrefa’ responsabbiltà politika, liema responsabbiltà jgħid li ntrefgħet għax kollha rriżenjaw. 

Madankollu, l-avukat Debono jgħid li mill-provi li ra fl-aħħar snin ma ħassx li kellhom jitressqu politiċi dwar reati kriminali finanzjarji. Jispjega kif ħafna drabi, anke meta l-provi dokumentarji indikaw suspett serju, waħedhom ma kinux biżżejjed, jekk ma jkunx hemm ukoll xhieda li ssaħħaħhom. Jistqarr li d-dokument ikun jista’ jnissel suspett, iżda ma jkunx biżżejjed. 

Share With: