Ftehim kollettiv ġdid għall-ħaddiema tal-British American Tobacco

“Irnexxielna nġibu pakkett xieraq minkejja d-diffikultajiet finanzjarji li ġabet magħha l-Covid-19”

F’dawn l-aħħar jiem, il-General Workers Union iffirmat ftehim kollettiv ġdid mal-kumpanija British American Tobacco, liema ftehim mhux biss wassal għal titjib fil-pakkett finanzjarju offrut lill-ħaddiema, iżda wkoll għat-tnedija ta’ benefiċċji ġodda li ser jingħataw lill-istess ħaddiema.

Il-ftehim il-kollettiv il-ġdid sejjer jibda jopera retro-attivament mis-sena 2019, u sejjer jibqa’ jopera għas-sena 2021. Il-ftehim kien iffirmat bejn Carmel Saliba u Ivan Saliba, id-diretturi tal-kumpanija, is-Segretarju tat-Taqsima Kimika u Enerġija fi ħdan il-GWU Rita Dimech, kif ukoll Edmond Gerada u Quein Spiteri bħala r-rappreżentanti tal-ħaddiema fi ħdan in-negozju.

F’kumment ma’ dan il-ġurnal, Dimech saħqet li l-ħaddiema tal-kumpanija kienu qegħdin jaħdmu mid-dar, bħala miżura ta’ saħħa fid-dawl tal-pandemija tal-Covid-19. Minkejja l-effetti negattivi fuq l-ekonomija lokali u internazzjonali, li kienu kkaġunati minħabba il-pandemija, il-ħaddiema sejrin jingħataw żidiet sostanzjali fil-pagi tagħhom, kif ukoll l-introduzzjoni ta’ miżuri tal-familja ġodda. Dawn jinkludu wkoll l-assigurazzjoni tas-saħħa privata offruta lill-ħaddiema, kif ukoll it-tnedija ta’ iktar taħriġ li sejjer jiġi offrut lill-imsemmi kumpanija.

“Filwaqt li bħalissa ħafna kumpaniji għaddejjin minn diffikultajiet finanzjarji, b’kawża diretta tal-pandemija tal-Covid-19, aħna bħala General Workers’ Union, xorta waħda rnexxielna nressqu pakkett xieraq għall-ħaddiema tal-British American Tobacco,” qalet Dimech.

Share With: