Ġermaniż arrestat f’Malta b’Mandat ta’ Arrest Ewropew

Wara ġimgħat ta’ investigazzjonijiet, il-Pulizija Maltija mis-Central Intelligence and Analysis, flimkien mat-Taqsima tar-Relazzjonijiet Internazzjonali, arrestaw ċittadin Ġermaniż ta’ 45 sena li kien imfittex fuq reati ta’ frodi li wettaq fil-Ġermanja.

L-investigazzjonijiet mill-Pulizija Maltija wasslu biex ikun identifikat li l-Ġermaniż qed jgħix Malta. Wara jiem ta’ sorveljanza, fit-18 ta’ Lulju li għadda, ir-raġel kien arrestat minn appartament f’San Ġiljan, bil-Pulizija Maltija jesegwixxu Mandat ta’ Arrest Ewropew maħruġ mill-Awtoritajiet Ġudizzjarji tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

Ilbieraħ, ir-raġel tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello biex jinbdew il-proċeduri ta’ estradizzjoni lejn il-Ġermanja. Madankollu huwa ma tax il-kunsens tiegħu biex jiġi estradit lejn pajjiżu. Permess tal-avukati difensuri, ir-raġel talab għall-ħelsien mill-arrest, iżda din ġiet miċħuda mill-Qorti. Is-smigħ dwar l-estradizzjoni mistenni jkompli fil-jiem li ġejjin.

Il-Prosekuzzjoni f’dan il-każ qed titmexxa mill-Ispettur Mark Galea, assisti mill-Avukat Meredith Ebejer mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

Share With: