Għada aħjar mil-lum

Minn RAY AZZOPARDI

Malta bħal kull pajjiż ieħor, għaddiet minn pandemija u turbolenzi ekonomiċi fejn kull pajjiż ħa daqqa ta’ ħarta ekonomikament kbira.

Dak li ħdimna għalih fl-aħħar seba’ snin, illum sarraf biex pajjiżna jkun preparat u jimminimizza d-daqqa li kienet ġejja. B’għaqal liema bħalu tal-eks-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna tħalla basket mimli biex meta niġu bżonn, insibu mnejn nieklu.

Li kieku din il-pandemija ġrat taħt amministrazzjoni tal-PN kieku llum nazzarda ngħid li konna nibdew naraw lill-pajjiż jikkrolla minn fuq s’isfel. Irridu nammettu li l-Gvern ta’ Lawrence Gonzi ma kien xejn bil-għaqal fil-finanzi tal-pajjiż u beda jgħakkes lill-poplu b’piżijiet esaġerati li ma felaħx ghalihom.

Illum qed ingawdu l-frott taħt gvern stabbli, gvern bil-għaqal, b’ministri responsabbli u ħabrieka f’xogħolhom, immexxijin mill-Mexxej u Prim Ministru Robert Abela.

Nefqa ta’ €900 miljun

Kien hemm ħtieġa biex din in-nefqa sseħħ biex in-negozji tagħna jibqgħu għaddejin wara li tgħaddi l-pandemija kif fil-fatt ġara. Illum qed noħorġu minnha u qed naraw ir-rota ekonomika terġa’ tibda ddur. Tant li anke l-UE qed tirrikonoxxi li Malta se jkollha tkabbir ekonomiku fost l-aqwa fl-Unjoni Ewropea. Dan ifiser meta konna ngħidu Gvern bil-għaqal!

Minn issa ’l quddiem

Irridu naħdmu lkoll flimkien biex nassiguraw li pajjiżna jibqa miexi ’l quddiem u jerġa’ jikseb postu fuq quddiem nett sabiex inkomplu nagħmlu dak li konna drajna nagħmlu f’dawn l-aħħar seba’ snin.

Jeħtieġ li nkomplu ngħixu ekonomikament fi stabbilità biex jekk jiġri xi ħaġa oħra nkunu preparati għaliha.

Share With: