Steve Xuereb jirbaħ il-Gozo Motocross
Il-Gozo Motocross Association organizzat il-finali tal-kampjonat 2020, sponsorjat minn Enemed. Dan kien l-aħħar avveniment għal dan l-istaġun fit-Trakka Ta’ Xħajma li beda fil-5.00 pm.
L-eċċitament kien kbir hekk kif folla mdaqqsa nġabret biex tara t-tmiem ta’ kampjonat li kien ilu għaddej għal dawn l-aħħar sitt xhur. Minħabba l-pandemija tal-coronavirus, il-kampjonat flimkien ma’ ħafna attivitajiet oħra, kellhom jiġu posposti.
Hekk kif il-Gvern u l-Awtoritajiet tas-Saħħa refgħu r-restrizzjonijiet, tkomplew l-aħħar żewġ attivitajiet.
Is-semi-finali saret nhar il-Ħadd, 21 ta’ Gunju, filwaqt li l-finali saret fit-28 ta’ Ġunju.
Kulħadd kien ħerqan jara lis-sewwieq champion 2017/18, Steve Xuereb, jilħaq punti massimi f’dan il-kampjonat li fih spiċċa b’480 punt. Għaldaqstant huwa ġie nkurunat champion ta’ Klassi A kif ukoll champion assolut tal-kampjonat.
Sadanittant kollox kien għadu nċert ħafna fi Klassi B u anke fi Klassi C. Hekk kif Daniel Portelli kellu erba’ punti vantaġġ fuq Robert Spiteri mis-semi-finali ‘l hawn, huwa stinka u ħareg rebbieħ fuq Spiteri bi 13-il punt. Portelli huwa ċ-champion ta’ Klassi B.
Fi Klassi C, ir-rebbieħ żagħżugħ u l-aktar sewwieq promettenti tal-2019, Isaac Bartolo, beda jitlef xi punti. Sylvan Caruana ħataf l-opportunitá u kellu l-ħila jegħleb lil Bartolo nhar il-Ħadd li għadda, hekk kif kien Caruana li spiċċa champion ta’ Klassi C.
Jurgen Attard, għalkemm għandu 28 sena, huwa prattikament ġdid għall-motocross ġewwa Għawdex.
Huwa wkoll mexa ‘l quddiem b’ammont kbir ta’ punti fil-klassi tiegħu u għalhekk gie nkurunat champion ta’ Klassi D.
Fuq ix-Shield taċ-Champions, issa jitniżżlu l-erba’ ismijiet tar-rebbieħa ta’ dan l-istaġun.
Iċ-ċerimonja tal-għoti tat- trofej saret hekk kif spiċċaw it-tiġrijiet, fejn s-Sur Michael Von Brockdorf minn Throttle & Gear Co. Ltd, sponsorja u ppreżenta t-trofej lir-rebbieħa tal-ġurnata.
Tqassmet tifkira ta’ parteċipazzjoni lis-sewwieqa membri kollha li xi darba jew oħra pparteċipaw fil- kompetizzjonijiet li torganizza l-GMA.
Il-“Frank Bruno Motocross Award”, trofew uniku magħmul artistikament apposta għal din l-okkazjoni minn Steve Xuereb, li jingħata kull sena lil dak is-sewwieq li jkun wera dixxiplina, perseveranza u ubbidejnza matul l-istaġun, ingħata lil Anthony Fenech filwaqt li t-trofew “Most Promising Rider 2020” ingħata liż-żagħżugħ Mark Camilleri.
Sadanittant, l-Onorevoli Clint Camilleri, Ministru għal Għawdex, onora lil GMA bil-preżenza tiegħu fejn ippreżenta l-erba’ trofej mill-isbaħ liċ-champions.
Huwa faħħar l-inizjattivi tal-kumitat u qal li jinsab impressjonat bil-livell għoli ta’ organizzazzjoni u parteċipazzjoni fi ħdan din l-assoċjazzjoni.
Huwa wiegħed li l-Ministeru għal Għawdex se jibqa’ jissapportja dan l-isport biex aktar żagħżagħ u tfal jersqu biex jipparteċipaw.
Il-GMA tixtieq tirringrazzja lill-isponsors li jagħtu daqqa t’id f’kull staġun, lill-Enemed, li huma l-isponsors ewlenin, lil Yamaha fi ħdan Gasan Zammit Motors Ltd., lil Ravenol Oil & Lubricants għand Galea General Services LTD, DBar Restaurant, Jason u Daniel Portelli J&D Cycles, Wenzu Mercieca ta’ Mezzan Garage, J&R Auto Parts, Gozo Creations Signs & Graphics, Vince Grima ta’ Grima Service Station u Grima Fuel Supplies, Anthony Fenech ta’ Service with a Smile on Time, Trottle & Gear Co. Ltd. bil-prodotti O’Neal, Christopher Briffa bil-Casual Bikers, u Alex Debono Sports Experience Trophies & Awards.
Grazzi tmur ukoll lil Alvin Scicluna minn CVC Media u lil John Busuttil preżentatur tal-programm Sport Għawdex.
Ringrazzjament ukoll lill-membri attivi tal-kumitat, lis-Sinjura Liliana Xuereb għall-fotografija, u lil E.R.R.C.
Fl-aħħarnett Frank Bruno, president tal-GMA wiegħed li se jkompli jaħdem bis-sħiħ ħalli dan l-isport jibqa’ miexi ‘l quddiem fil-Gzira Għawdxija.
Il-finali tal-Gozo Motocross Championship – fuelledby Enemed, se tkun imxandra fuq il-programm Sport Għawdex fuq TVM2 dalwaqt.
Il-kampjonat 2021, se jibda f’Settembru li ġej.
Għal aktar tagħrif wieħed jista’ jżur il-paġna ta’ Facebook – Gozo Motocross Association.