Ġurnalista fl-Ażerbaijan tirrifjuta premju ta’ $250,000 wara li skopriet li l-fond tal-premju nħoloq mill-emir tal-Qatar

Ġurnalista investigattiva mill-Ażerbaijan, Khadija Ismail ġiet offruta premju fi flus li jammonta għal €250,000. Dan il-premju ngħatalha miċ-ċentru tas-Saltna tad-Dritt u Kontra l-Korruzzjoni tal-Qatar. 

Hi ħadet din id-deċiżjoni wara li investigat l-attivitajiet taċ-ċentru u sabet li l-fond inħoloq mill-emir tal-Qatar, li kien għalaq iċ-ċentru għall-ġurnaliżmu investigattiv fil-Qatar. Minħabba f’hekk, Khadija Ismail ma aċċettatx dan l-unur. 

Hi spjegat li r-rappreżentant tal-fond qalilha li flimkien mal-premju kien hemm ukoll għotja ta’ $250,000. Madankollu, qalet li meta skopriet li dawn il-flus kienu se jingħataw mill-emir, allura hi ċaħdithom. Spjegat li filwaqt li l-emir jippreżenta lilu nnifsu bħala riformatur, min-naħa l-oħra hu l-bniedem li għalaq iċ-ċentru tal-ġurnaliżmu investigattiv fil-Qatar. Sostniet ukoll li l-ġurnaliżmu hu professjoni perikoluża. 

Il-ġurnalista tħoss li r-raġuni għalxiex il-fondazzjoni trid tagħtiha l-premju hu biex iżomm ġurnalisti famużi taħt l-influwenza tagħha. Spjegat li ilhom tliet snin iqassmu dan il-premju u ħadd mill-persuni famużi ma aċċettaw li jirċevuh. Hi qalet li meta ġie offrut lilha, hi qaltilhom li investigat din il-kwistjoni u li ma kinitx temmen is-sinċerità tagħhom. Qaltilhom ukoll li hi ma kinitx se tbigħ ir-reputazzjoni tagħha. 

Ta’ min wieħed jgħid li Ismail hi ġurnalista investigattiva. Hi ġiet arrestata fl-2014 u ngħatat sentenza ta’ ħabs għal seba’ snin u sitt xhur fuq akkużi ta’ evażjoni mill-ħlas tat-taxxa u intrapriżi illegali. Sentejn wara, il-Qorti Suprema biddlet is-sentenza għal waħda sospiża għal tliet snin u nofs. Madankollu, Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem sabet li nkisru d-drittijiet tal-ġurnalista. Minħabba f’hekk, il-Gvern tal-Ażerbaijan irid iħallasha madwar €25,000, għalkemm il-ġurnalista qalet li s’issa ma rċeviet xejn minnhom. 

Share With: