Ħames immigranti jammettu li ppruvaw jaħarbu minn Malta

Erba’ immigranti ingħataw sentenza ta’ ħabs effettiva mentri ieħor weħel sentenza sospiża wara li ammettew li ippruvaw jaħarbu minn Malta.

Tareq Argoon, Tuneżin ta’ 18-il sena, ammetta li fil-25 ta’ Lulju ipprova jaħrab lejn l-Italja fejn hemm ħabib tiegħu u kien ikkundannat sitt xhur ħabs sospiża għal sena.

Salah Chebo, Marokkin ta’ 20 sena, ammetta li fis-26 ta’ Lulju ipprova jaħrab lejn l-Italja biex jara lil oħtu u peress li kien diġa weħel sitt ħabs fuq l-istess reat din id-darba kien ikkundannat 18-il xahar ħabs.

Gabriel Ehizogie, Niġerjan ta’ 36 sena, wieġeb ħati li ipprova jaħrab lejn il-Ġermanja fejn ried jara lil ibnu u kien ikkundannat 18-il xahar ħabs ukoll wara li anke fil-każ tiegħu ma kinietx l-ewwel darba li ipprova jagħmel dan.

Guesh Gebretinsae u Muse Kidane, żewġ Eritrejani ta’ 23 sena, kien ikkundannati sitt xhur ħabs kull wieħed wara li b’dokumenti awtentiċi imma mhux tagħhom ippruvaw jaħarbu lejn l-Italja.

Il-ħames immigranti tressqu quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella mill-Ispettur Darren Buhagiar u waqt li Argoon kellu jiddefendih lill-Avukat Ibtisam Sadegh l-erbgħa l-oħra kellhom jidhru għalihom l-Avukat Victor Bugeja.

L-Ispettur Buhagiar irrimarka fl-awla li mindu reġgħu nfetħu l-ajruport u l-portijiet splodew il-każijiet ta’ immigranti li ippruvaw jaħarbu minn Malta.

Share With: