“Ħasra tkun jekk dak li għaddejna minnu u ħdimna għalih jintilef minħabba rjus iebsa”

Minn MELVIN FARRUGIA

Il-Kummissarju għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, Oliver Scicluna kellu messaġġ b’saħħtu rigward dak li għaddejna minnu fl-aħħar xhur minħabba l-pandemija u s-sitwazzjoni li qegħdin ngħixu fiha bħalissa. 

Filwaqt li sostna li ma jqisx ruħu bħala frontliner, min-naħa l-oħra Scicluna qal li bejn Marzu u Ġunju għex sitwazzjoni surreali bħal ħafna nies oħra fejn iltaqa’ mat-tbatijiet ta’ kuljum ta’ dawk kollha li kkuntattjawh u anke tal-kollegi tiegħu. Jirrakkonta li għex il-biża’ u t-tħassib ta’ ġenituri ta’ persuni b’diżabilità u għex l-inċertezzi ta’ dawn in-nies. Semma kif kulħadd qadef kontra kull mewġa u jgħid li sal-lum għadu qed jitfa’ pressjoni għax hemm ċerti servizzi li għadhom weqfin. 

Għaldaqstant, Scicluna jemmen li tkun ħasra jekk dak li għaddejna minnu u ħdimna għalih jintilef minħabba rjus iebsa. Jgħid li żgur ma nistgħux immorru lura għall-ewwel pass u jgħid li lanqas ma jkun ta’ ġid li jerġgħu jsiru ċerti restrizzjonijiet, għax ikunu ta’ dannu fuq l-iżvilupp ta’ tfal u żgħażagħ b’diżabilità li kieku jkollhom jerġgħu jieqfu ċerti servizzi u allura jkun hemm biss tagħlim u terapiji online biss. 

Għalhekk, il-Kummissarju Scicluna jgħid li dak li nistgħu ngħaddu mingħajru rridu ngħaddu mingħajru għax aħjar uff milli aħħ. Saħaq li hu mhu jbeżża’ lil ħadd għax għadu u jibqa’ pożittiv. Madankollu, qal li l-biża’ tiġi biss jekk ma noqogħdux attenti. 

Share With: