“Hemm bżonn min jagħmel l-ispazju ħalli min verament irid jikkontribwixxu dan ikun jista’ jagħmlu”

Il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia wera r-rieda tiegħu li jibqa’ fit-tmexxija tal-Partit sakemm jibqa’ jgawdi l-fiduċja tat-tesserati tal-Partit Nazzjonalista. Huwa qal dan f’kollegament telefoniku aktar kmieni llum mal-istazzjoni tar-radju tal-PN.

Delia tenna li biex il-PN ikun verament alternattiva għall-Gvern Laburista, allura ma jistax ikun li fi ħdanu jkun hemm min ikun qed jagħmel minn kollox biex minflok il-Partit jimxi ’l quddiem, minflok, ifixkel minn ġewwa fih.

Fl-istess waqt Delia saħaq li dak li qed għaddej minnu l-Partit Nazzjonlista huwa wieħed diffiċli. Tenna li huwa għaldaqstant li l-Partit Nazzjonalista għandu jingħaqad fi sforz kollettiv biex jiġġieled l-akkużi ta’ korruzzjoni fil-konfront tal-Gvern. Tenna li huwa inutli li jiġġieled waħdu b’kawżi fil-Qrati, meta hemm min aktar jimportah li jitkellem dwar l-affarijiet interni fil-Partit.

“Jekk inħallu lil min jibqa’ jfixkel lill-PN minn ġewwa allura qatt m’aħna se nimxu ’l quddiem,” saħaq Delia.

Huwa żied jgħid li l-Partit Nazzjonalista qed isibha diffiċli li jimxi ’l quddiem għax mhuwiex juri lin-nies li huwa partit magħqud, fejn lest li jwettaq dak li qed jipproponi ladarba jkun fil-gvern.

“Huwa żmien diffiċli, iva, iżda huwa l-mument ukoll tad-deċiżjonijiet. Ma nistgħux nibqgħu naħlu aktar ħin,” wissa Delia.

Delia kkritika lil min qed jaħdem kontra l-Partit Nazzjonalista minn ġewwa fih, u qal li fil-Partit hemm min li minkejja li akkużi ta’ korruzzjoni fil-konfont tal-Gvern irid jehda li jneħħi lill-Kap tiegħu għax hemm min ma jogħġbux.

Tenna li hemm min verament irid jaħdem fil-PN għall-ġid tal-pajjiż, anke barra l-Partit stess. “Iżda biex dan isir irid ikun hemm min jagħmel l-ispazju ħalli min verament irid jikkontribwixxu jkun jista’ jagħmlu,” saħaq Delia.

Fl-istess waqt tenna li ħadd ma jista’ jheddu b’xejn. Temm jgħid li m’għandu xejn fuq il-kuxjenza, jew fil-passat tiegħu li jista’ jħammġu jew iħammarlu wiċċu jew wiċċ il-Partit Nazzjonalista.

Share With: