“Hemm bżonn niftakru x’ġara biex ma nirrepetux l-iżball”

Imfakkar il-25 anniversarju tal-ġenoċidju ta’ Srebrenica… disa’ persuni oħra jindifnu wara li ġew identifikati bħala vittmi

Minn CARMEN CACHIA

Ta’ kull sena, fil-jum tal-11 ta’ Lulju, jindifnu l-vittmi ġodda li jkunu identifikati bħala li nqatlu fil-ġenoċidju ta’ Srebrenica. S’issa kważi 7,000 persuna minn dawk maqtula nstabu u ġew identifikati. Dan il-massakru li sewa l-ħajja ta’ ħafna nies, huwa l-uniku ġenoċidju uffiċjali li seħħ fl-Ewropa minn mindu ntemmet it-Tieni Gwerra Dinjija. In-numru tal-persuni li attendew għall-kommemorazzjoni tal-25 anniversarju, li ħabat din is-sena, kien inqas minn dak tas-soltu minħabba l-Covid-19. Fost messaġġi u appelli minn madwar id-dinja, l-għajta hija ċar, jiġifieri dak li nitgħallmu minn dan il-kapitlu ikrah fl-istorja tagħna u ma nirrepetux l-iżball.

Fil-Bosnija, għadd ta’ persuni li rnexxielhom jibqgħu ħajjin f’din il-gwerra ċivili, ingħaqdu biex ifakkru l-vittmi ta’ Srebrenica. L-eżekuzzjoni fl-Lulju tal-1995 ta’ madwar 8,000 irġiel u subien Musulmani Bosnijaċi qiegħed jiġi mfakkar f’għadd ta’ avvenimenti fosthom id-difna ta’ fdalijiet identifikati ta’ disa’ vittmi oħra f’ċimiterju fil-Lvant tal-Bosnija.

Il-Prinċep ta’ Wales għamel appell biex, “flimkien ningħaqdu f’solidarjetà assoluta ma’ dawk li tilfu tant”. F’messaġġ irrekordjat lil Matt Field, l-ambaxxatur Ingliż għall-Bosnija, il-Prinċep Karlu qal li dawn l-avvenimenti tal-biża’ li seħħu f’Lulju tal-1995, li kienu kkonfermati bħala ġenoċidju mill-qorti internazzjonali, huma tebgħa fil-kuxjenza tagħna kollha.

Il-komunità internazzjonali naqset lil dawk li nqatlu, lil dawk li skappaw il-mewt u lil dawk li sofrew telfa ta’ xi għażiż

Il-Prinċep Karlu

“Il-komunità internazzjonali naqset lil dawk li nqatlu, lil dawk li skappaw il-mewt u lil dawk li sofrew telfa ta’ xi għażiż. Meta nfakkru l-uġigħ tal-imgħoddi u nitgħallmu minnu, flimkien nistgħu niżguraw li dan qatt ma jerġa’ jiġri,” sostna l-Prinċep tar-Renju Unit.

Għadhom jinstabu fdalijiet tal-vittmi…

Il-massakru ta’ Srebrenica huwa l-uniku kapitlu fil-gwerra tal-Bosnija, li seħħet bejn l-1992-1995, li huwa kkonsidrat bħala ġenoċidju. Il-konflitt kien bejn is-Serbi u l-Musulmani f’Srebrenica u l-inħawi tal-madwar. Huwa rrapportat li n-numru tal-vittmi għadu jiżdied minħabba li għadhom jinstabu l-kadavri f’għadd ta’ oqbra tal-massa mifruxa mal-Lvant tal-Bosnija.

Minkejja li għadda dan iż-żmien kollu, bħalissa għadha għaddejja ħidma biex issir l-identifikazzjoni tal-vittmi permezz ta’ analiżi tad-DNA mill-fdalijiet li għadhom jinstabu. S’issa ġew identifikati kważi 7,000 mill-vittmi u dawk li nstabu din is-sena, indifnu fil-kommemorazzjoni tal-25 anniversarju li ħabat ftit tal-jiem ilu.

Is-soltu għal din l-attività jattendu eluf ta’ nies iżda din is-sena, minħabba l-Coronavirus, in-numru ta’ dawk li attendew kien ferm inqas minħabba li l-permessi nħarġu f’numru limitat għal dawk li salvaw mill-ġenoċidju  biss.

Il-Prinċep Karlu wkoll kien ippjana li jattendi għaċ-ċerimonja kommemorattiva, kif ukoll xtaq jiltaqa’ mal-qraba tal-vittmi u dawk li salvaw, iżda ż-żjara tiegħu kienet imħassra minħabba l-pandemija globali.

“Ħafna familji għadhom ma jafux x’sar mill-għeżież tagħhom”

Il-Prim Ministru Ingliż, Boris Johnson u s-Segretarju tal-Affarijiet Barranin, Dominic Raab, ukoll fakkru l-vittmi ta’ Srebrenica. F’vidjow imtella’ fuq Twitter, Johnson qal li, “għal darb’oħra ningħaqad magħkom f’luttu biex infakkar il-vittmi ta’ dawk l-avvenimenti terribbli u nagħti s-sostenn tiegħi lill-familji fil-ġlieda tagħhom għall-ġustizzja”.

Huwa qal li bħal ħafna konflitti oħra, li jwasslu biss għal vjolenza u qirda, dak fil-Balkani ħalla ħafna familji f’limbu u inċertezzi minħabba li ma jafux x’sar mill-għeżież tagħhom u li ħafna minn dawk li wettqu l-atti kriminali f’din il-gwerra, għadhom ma ffaċjawx il-ġustizzja.

“Hemm ukoll dawk li jippreferu jinsew jew li jiċħdu l-gravità ta’ dak li ġara. Ma nistgħux inħallu li dan jiġri. Nafuh lill-vittmi u lill-ġenerazzjonijiet futuri li nfakkru lil Srebrenica u li nisguraw li dan qatt ma jerġa’ jirrepeti ruħu,” saħaq Johnson.

Dak li ġara f’Srebrenica huwa tal-waħx, imma dawn ma kienux anġli, dawn il-Musulmani

Boris Johnson

Fl-aħħar snin kien hemm attentati mill-estremisti xellugin li jiċħdu l-atroċitajiet li seħħu f’Srebrenica. Fi stqarrija Raab qal li, “fil-25 anniversarju ta’ dan il-ġenoċidju, għandna nfakkru l-vittmi u d-dieqa tal-familji tagħhom. Fiż-żmien li servejt f’Hague bejn l-2003 u l-2006, meta konna qegħdin infittxu lill-persuni responsabbli għal dan il-kapitlu iswed fl-istorja Ewropea, ta’ kuljum kelli niffaċċja l-krudeltà li seħħet fuq l-innoċenti”.

Huwa kompla jgħid li r-Renju Unit huwa determinat li ssir ġustizzja u li jgħin biex il-pajjiżi milquta jerġgħu jqumu fuq saqajhom. Raab qal li kemm il-komunità internazzjonali, kif ukoll pajjiżu, huma kommessi li jinvestu u jgħinu lill-Bosnija, wegħda diġà bdiet tiġi mwettqa.

Kummenti mhux f’posthom mill-Prim Ministru Ingliż

Minkejja l-kliem ta’ sostenn ta’ Boris Johnson, il-Prim Ministru Ingliż qiegħed jiffaċċja pressjoni minn 30 membru parlamentari biex jiskuża ruħu ta’ kummenti li kien għamel lura fl-1997 dwar dan il-ġenoċidju.

F’ittra lill-Prim Ministru, il-partit immexxi minn Tony Llyod kiteb li, “fl-1997, meta kont kontributur politiku f’”Spectator”, inti ktibt artiklu fejn sfidajt is-sostenn ta’ Bianca Jagger li kienet tisħaq li hemm bżonn ta’ intervent aktar dirett kontra l-armata Serba fil-gwerra tal-Bosnija”.

Fl-ittra l-membri parlamentari kkwotaw il-kitba ta’ Johnson li kienet tgħid, “Iva, nammetti, li dak li ġara f’Srebrenica huwa tal-waħx, imma dawn ma kienux anġli, dawn il-Musulmani.” Huma kitbulu li, “hekk kif kulħadd ifakkar il-25 anniversarju ta’ Srebrenica, ma nistgħux nifhmu jew naċċettaw li tattendi għaċ-ċerimonja ta’ kommemorazzjoni mingħajr ma titlob skuża għal dak li ktibt”.

Kelliem għall-gvern Ingliż qal li l-kwotazzjoni wżata kontra Johnson ittieħed barra mill-kuntest u li l-Prim Ministru Ingliż għal dawn l-aħħar 25 sena kkundanna l-ġenoċidju ta’ Srebrenica u ddeskrivih dejjem bħala “wieħed mill-agħar atti kriminali fl-istorja”.

Share With: