“Iċ-ċavetta tas-suċċess hi li nibqgħu flimkien”

Jikteb il-President tal-Partit Laburista, Daniel Micallef

Il-kelma ‘tiġdid’ tintuża ħafna mill-partiti politiċi, mhux f’Malta biss iżda madwar id-dinja. Il-fatt li partit jiġġeded, jaġġorna u jibdel, dejjem ikun punt importanti li jsir, u politikament huwa kruċjali li l-partiti jagħmlu dan għax it-tibdil iġib miegħu ideat ġodda u b’mod sussegwenti jkunu attirati aktar nies.

Il-Partit Laburista bidel u nbidel fl-aħħar snin. Inbidel qabel ma kien fil-Gvern u waqt li kien qed iservi mill-Oppożizzjoni. Dakinhar kien hemm nies li kienu xettiċi mit-tibdil li sar. Niftakar diskussjonijiet imqanqla ħafna dwar it-tibdil li kien propost dak iz-zmien. Mhux kulħadd kien ċert minn dak li kien qed jitmexxa ‘l quddiem, iżda l-istorja wara kulħadd jafha.

Bqajna ninbidlu anke waqt li l-Partit Laburista kien fil-Gvern u se nibqgħu nagħmlu dan anke issa li kien hemm saħansitra bidla fil-Mexxej tal-Partit. Nemmen anzi li r-ritmu tal-bidla jrid jissahhah.

L-iktar ħaġa faċli hija li npoggu bilqegħda u nhallu l-affarijiet kif inhuma. Iżda nafu li meta bhala Partit ghamilna dan fil-passat, ir-rizultati kellmuna meta dan kien tard wisq.

Anżi jiena ngħid fermament u konvint li t-tibdil li wettaq il-Partit Laburista anke filwaqt li kien u għadu l-għażla popolari kien propju għalhekk, għax ma beżax milli jkompli jbiddel, milli jkompli jwettaq, milli jiddeċiedi u anke fejn dawn id-deċiżjonijiet forsi ma kinux l-aktar faċli li wieħed seta’ jieħu. 

Iżda, it-tibdil u t-tiġdid li wettaq il-Partit Laburista kien iċ-ċavetta tas-suċċess mhux biss f’termini elettorali, iżda anke f’termini ta’ differenza li ssir fil-ħajja tan-nies. Bit-tiġdid li sar fil-Partit, seta’ jsir tibdil fil-pajjiż. Il-Partit Laburista kien iċ-ċavetta li wassal għal ħafna tibdil fil-ħajja li llum qed ngħixu. Jekk wieħed isemmi u jislet l-ekonomija, il-qasam soċjali, il-qasam tax-xogħol u l-lista tibqa’ sejra, dawn kienu kollha setturi fejn fihom saret ħidma kbira u d-differenza ma taqrax dwarha fuq il-karti tal-gazzetti biss, iżda tmissha b’idejk.

Ħadd mill-partiti ma jiġġeded biex jibqa’ fl-Oppożizzjoni jew biex ma jibqax fil-Gvern. Il-Partit huwa ghodda sabiex nfasslu l-politika li jekk tinghata l-fiducja tan-nies, nkunu f’posizzjoni li nwettquha ghall-gid ta’ pajjizna.

Bis-sitwazzjoni li hemm f’forzi politiċi oħra f’pajjiżna tikber dejjem aktar ir-responsabilità tagħna u fuqna lkoll. 

Iridu nkunu dejjem Partit li jkun lest li jifhem u jisma’. Il-mument li l-Partit ma jibqax jisma’ u ma jibqax jifhem il-ħtiġijiet tan-nies, ikun il-mument li n-nies ma tibqax tara fina dak li tara sal-lum. Il-Partit Laburista ma jagħmlux il-Kwartieri, ic-centri fl-irhula jew il-membri fl-Amministrazzjoni; il-Partit huwa n-nies, il-familji, il-haddiema, in-negozji, iz-zghazagh, l-anzjani – kullhadd flimkien.

Krucjali li l-ebda rizultat elettorali ma jnaqqas mill-umilita li ghandha tibqa tkun karateristika ewlenija fil-mod kif naghmlu l-affarijiet. Huwa kruċjali li dan il-Partit jibqa’ jkun l-ikbar forza politika fil-pajjiż u dan nistgħu nagħmluh primarjament billi nkomplu ninfetħu u mhux ningħalqu.

Il-kunċett ta’ moviment usa qatt daqs illum ma kellu importanza u relevanza. Filwaqt li huwa imperattiv li nżommu dejjem f’qalbna u moħħna l-prinċipji sagrosanti tal-Parti Laburista dawk tal-ġustizzja soċjali, tax-xogħol, tal-ħaddiem u min iħaddem, il-mobilta socjali u l-ugwaljanza; iridu naraw li nkunu nistgħu nagħmlu pontijiet ma’ min forsi mhux tradizzjonalment mgħannaq ma’ xi forza politika jew oħra, iktar u iktar bħalissa meta jkun hemm nies li forsi jħossuhom iltiema, li m’għandhomx partit ma’ min jiddentifikaw rwieħom. 

Il-Partit Laburista jrid jibqa’ jkun mutur li joħloq l-ideat, li joħroġ b’iniżjattivi u proposti li permezz tagħhom tkompli tijieb il-kwalità tal-ħajja tal-familji u l-ħaddiema, li jkun hemm aktar drittijiet.

Iridu nibqgħu dak il-partit li minkejja li għandu warajh il-maġġoranzi, ma jinsiex il-minoranzi, li ma jiddejjaqx isemmi issues li forsi jkunu fil-periferija tad-dibatitu. Irid ikun hemm il-kuraġġ biex isir djalogu, u fl-aħħar mill-aħħar titieħed il-pożizzjoni uffiċjali.

Fl-aħħar iżda zgur mhux l-inqas iridu nibqgħu nindukraw l-għeruq tagħna billi nkomplu nsaħħu l-istrutturi kollha tal-partit li jagħmluha ferm aktar faċli li jkun hemm post fejn dak li jkun iħossu komdu li jitkellem.

Jiena nħares ‘il quddiem li naħdem ma’ kull wieħed u waħda minnkom kemm il-darba ningħata l-fiduċja. Għandna ħafna xogħol x’nagħmlu u għaldaqtsant iridu nibqghu bil-kmiem mxammrin, u nahdmu aktar. 

Iċ-ċavetta tas-suċċess hi li nibqgħu flimkien.

Share With: