Iċ-ċentri tal-immigranti f’Malta taħt pressjoni enormi

Din ix-xejra mistennija tkompli matul it-tieni nofs tas-sena

Miktub minn MELVIN FARRUGIA

Il-Ministru għall-Ġustizzja u s-Sigurtà Nazzjonali, Byron Camilleri spjega ma’ Inewsmalta li skont rapporti ppubblikati minn organizzazzjonijiet internazzjonali, hemm aktar minn 650,000 immigrant fil-Libja, li ħafna minnhom huma ħaddiema li ġejjin minn pajjiżi oħra fl-Afrika. Ma’ dawn hemm ukoll oħrajn li marru l-Libja b’għażla biex jaħarbu lejn l-Ewropa. 

Hu qal li mill-esperjenza li kellna bħala pajjiż fl-ewwel nofs ta’ din is-sena, jidher li hemm ammont konsiderevoli ta’ immigranti li qegħdin jirrikorru għand persuni kriminali biex jiffaċilitawlhom il-vjaġġ lejn l-Ewropa. Saħaq li din ix-xejra mistennija tkompli wkoll fit-tieni nofs tas-sena. 

Il-Ministru semma kif fit-13 ta’ Lulju saret konferenza bejn il-Kummissjoni Ewropea, Ministri tal-Intern Ewropej u anke l-kontropartijiet tagħhom mill-Afrika ta’ Fuq. Semma kif l-Unjoni Ewropea talloka fondi lill-pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq, bil-għan li tipprova twaqqaf il-vjaġġi klandestini lejn l-Ewropa, ħalli ma jintilfux il-ħajjiet fuq il-baħar u anke jiġu miġġielda l-kriminali li jorganizzaw dawn il-vjaġġi. Sostna li saru diskussjonijiet biex din l-għajnuna tissarraf f’aktar investiment dirett fit-tisħiħ tal-fruntieri, u dan inkluż ukoll fil-Libja. 

Camilleri qal dan b’reazzjoni għall-mistoqsijiet ta’ inewsmalta dwar il-fatt li l-Gvern Taljan qed jieħu diversi miżuri ta’ prekawzjoni peress li hemm il-ħsieb ta’ influss qawwi ta’ immigranti li jaslu fl-Ewropa fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin. 

Fil-fatt, jidher li l-Gvern Taljan diġà talab biex ikun hemm bastimenti fejn jistgħu jinżammu fihom dawn l-immigranti, peress li hemm biża’ li dawn jistgħu jkunu infettati bil-COVID-19. 

Barra hekk, jidher li qed joħloq ukoll strutturi militari fejn l-immigranti jridu jqattgħu l-kwarantina. Min, fost dawn l-immigranti, se jinstab pożittiv għall-COVID-19, se jinżamm ‘il bogħod mill-oħrajn u se jsirulu kontrolli sanitarji. Dawn il-binjiet se jkunu taħt sorveljanza stretta biex żgur ma jidħol ħadd minn barra u lanqas ma jsiru protesti. 

F’dan ir-rigward, il-Ministru Malti qal li dawk l-immigranti irregolari li qegħdin jaslu Malta qegħdin ikunu suġġetti għall-prekawzjonijiet kollha meħtieġa skont il-gwida tal-awtoritajiet tas-saħħa. Min-naħa l-oħra, sostna li l-Gvern Malti qed jaħdem biex jonqos kemm jista’ jkun l-influss ta’ immigranti rregolari, l-aktar permezz ta’ kollaborazzjoni mal-awtoritajiet Libjani. 

Saħaq li Malta għamlitha ċara u għal ħafna drabi, kemm fil-fora lokali u anke dawk internazzjonali, li ċ-ċentri tal-immigranti fejn jistgħu jitpoġġew aktar immigranti jinsabu taħt pressjoni enormi.

Share With: