Iċ-Ċina twissi lir-Renju Unit b’“konsegwenzi” dwar indħil f’Hong Kong

Iċ-Ċina llum wissiet lir-Renju Unit b’konsegwenzi, jum wara li l-Gvern Brittaniku ssospenda t-trattat ta’ estradizzjoni ma’ Hong Kong. Dan b’risposta mal-liġi l-ġdida kontroversjali dwar is-sigurtà li Beijing daħħal fis-seħħ għal Hong Kong.

L-Ambaxxata Ċiniża fir-Renju Unit ħarġet stqarrija fuq is-sit tagħha fejn ikkritikat il-mossa tal-Gvern Brittaniku u qalet li se tkun qed tirrispondi b’mod reżolut għal dak li hija sejħet bħala ndħil fl-affarijiet interni.

L-istqarrija kienet tgħid li “ċ-Ċina qed tħeġġeġ lir-Renju Unit biex twaqqaf kull forma ta’ ndħil fir-rigward tal-affarijiet li jikkonċernaw lil Hong Kong, li huma afarijiet interni taċ-Ċina. Ir-Renju Unit se jkollu jiffaċċja l-konsegwenzi jekk jinsisti li jippersisti fit-triq li qabad.”

Ir-Renju Unit huwa r-raba’ pajiż, wara l-Kanada, l-Awstralja u l-Istati Uniti, li rrevokat il-qbil dwar estradizzjoni li kien fis-seħħ mal-belt semi-awtonomu.

Share With: