Id-deċiżjoni dwar it-tneħħija ta’ membri tal-ġudikatura tista’ ma tibqax tittieħed mill-Parlament

Id-deċiżjoni dwar tneħħija ta’ membri tal-ġudikatura tista’ ma tibqax tittieħed mill-Parlament. Il-Gvern qed jipproponi biex minflok il-maġġoranza parlamentari ta’ żewġ terzi mitluba attwalment, id-deċiżjoni taqa’ fuq il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja.

Madankollu l-Oppożizzjoni qed tisħaq li l-ġudikatura hija kuntrarja għal din il-bidla.

Ir-riforma għat-tneħħija ta’ membri tal-ġudikatura hija waħda minn għaxar abbozzi ta’ liġi maħsubin biex jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta’ Venezja. L-għan tal-Gvern huwa li dawn l-emendi kostituzzjonali jiġu approvati mill-Parlament qabel jiġi aġġornat il-Parlament dan ix-xahar.

Fl-intervent tiegħu l-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis qal li r-riforma hija waħda kruċjali fir-rigward ta’ aktar akkontabbiltà tal-membri tal-ġudikatura.

Skont il-proposta mressqa mill-Gvern, azzjonijiet dixxiplinarji fil-konfront ta’ membri tal-ġudikatura se jkunu qed jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja, li erba’ mis-seba’ membri li jikkomponuha se jkunu membri tal-ġudikatura stess.

Min-naħa tiegħu d-Deputat Nazzjonalista Chris Said qanqal riservi għall-proposta dwar il-fatt li l-Kamra tar-Rappreżentanti tinqata’ għal kollox mill-proċess ta’ tneħħija ta’ membri tal-ġudikatura.

Share With: