“Id-deċiżjoni tal-President dwar Delia ma tistax tiġi sfidata f’Qorti Kostituzzjonali”

Inkella tiġi attakkata l-awtonomija tal-President u anke d-demokrazija

Minn MELVIN FARRUGIA

Wara d-deċiżjoni li ttieħdet mill-President ta’ Malta George Vella li ma jneħħix lil Adrian Delia minn Kap tal-Oppożizzjoni, issemmiet il-possibbiltà li xi wħud jirrikorru għall-Qorti Kostituzzjonali biex tiġi sfidata din id-deċiżjoni. 

Madankollu, l-avukat u studjuż tal-liġi Kostituzzjonali, Miguel Balzan qalilna li l-Kostituzzjoni ssemmi li fejn il-President jingħata parir minn terzi, dan m’għandux isegwi bilfors il-parir li jkun ingħata u dan ma jistax jiġi meħud il-Qorti minħabba f’hekk. 

Balzan qal li dan hu proprju biex il-Kostituzzjoni tipproteġi l-awtonomija tal-President u konsegwentement tiġi protetta d-Demokrazija. Għaldaqstant qal li meta l-President ikun mogħti s-setgħa li jiddeċiedi fuq il-ġudizzju ħieles tiegħu biss, iktar u iktar ma tagħmilx sens li l-President jiġi mġiegħel jaġixxi fuq xi parir ta’ ħaddieħor, jew inkella mġiegħel jaġixxi mhux fuq il-ġudizzju tiegħu. 

Kompla jispjega kif rigward li wieħed jirrikorri għall-Qorti Kostituzzjonali biex din tagħti l-interpretazzjoni tal-Kostituzzjoni jissemma’ wkoll artiklu 95(2)(d). Sostna li fl-opinjoni tiegħu ma jħossx li dan hu possibbli, għax mhux permessibbli għas-sempliċi raġuni li tali provvediment jagħmilha ċara li biex dan iseħħ, jiġifieri li l-Qorti Kostituzzjonali jkollha ġurisdizzjoni tagħmel dan, irid ikun hemm appell minn deċiżjoni ta’ Qorti oħra u mhux jiġu istitwiti proċedimenti ġodda apposta dwar l-interpretazzjoni tal-Kostituzzjoni.

Intant, l-avukat qal li hi sfortuna li pajjiżna kellu jasal f’dan l-isqaq ta’ konfużjoni u dilemmi. Saħaq li hi tal-mistħija kif il-Partit Nazzjonalista pprova jitfa’ problema interna tiegħu fi ħdan il-President ta’ Malta, biex ikun hu li jsolvihielhom meta dan mhux xogħlu. Balzan qal li partit fl-Oppożizzjoni għandu jaspira li jkun Gvern alternattiv, bħalma Kap tal-Oppożizzjoni għandu jaspira li jkun Prim Ministru. Saħaq li l-Partit Nazzjonalista wera biċ-ċar li lanqas mhu kapaċi jservi fl-Oppożizzjoni u sar Partit insinjifikanti. Qal li dan kollu hu frott tal-elitiżmu ta’ xi wħud, li bejniethom bħal f’xi oligarkija, jippretendu li bi dritt iktar minn ħaddieħor jagħżlu huma, jew aħjar jimponu huma, min ikun il-Kap tal-Partit u l-Kap tal-Oppożizzjoni. 

Balzan qal li l-Kap tal-Partit għandu jintagħżel dejjem demokratikament mill-membri tesserati fi ħdan il-Partit ikkonċernat u din l-għażla għandha tiġi rrispettata. Saħaq li hi arroganza li xi ħadd jgħid jew jaħseb li hawn xi ħadd li m’għandux dritt jagħżel daqs ħaddieħor, għal xi raġuni jew oħra, jew inkella, iktar agħar, li xi vot hu ħażin jew inqas importanti minn ieħor. Għalhekk, qal li qabel mal-Partit Nazzjonalista jingħaqad u jitgħallem jirrispetta l-iżgħar membru fi ħdanu daqs l-ikbar membru u japprezza r-rieda tal-maġġoranza tal-membri kollha tiegħu, allura mhuwiex se jieħu ruħ, u l-akbar problema tkun li dan kollu se jkompli jaffettwa ħazin lil Malta tagħna, kif ukoll jiżdied iċ-ċans li tkompli tiġi mittiefsa l-Kostituzzjoni Maltija. 

Dwar il-proċess innifsu, l-avukat spjega kif malli Adrian Delia tilef l-appoġġ tal-maġġoranza tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista, u dan bl-aktar mod ċar, hemmhekk skatta dak li jipprovdi artiklu 90(4) tal-istess Kostituzzjoni. Qal li dan jgħid li l-Kap tal-Oppożizzjoni għandu jitneħħa, xejn iktar u xejn inqas, jiġifieri ma jipprovdix li mbagħad għandu jinħatar dak li jgawdi l-maġġoranza tad-Deputati bħala l-Kap tal-Oppożizzjoni l-ġdid. 

Rigward il-ħatra tal-Kap tal-Oppożizzjoni qal li mbagħad wieħed għandu jħares lejn artiklu 90(2), li jipprovdi żewġ xenarji kull meta jkun hemm lok għall-ħatra ta’ Kap tal-Oppożizzjoni. Qal li l-ewwel xenarju jipprovdi li l-Kap tal-Oppożizzjoni għandu jkun il-Kap tal-akbar partit fl-Oppożizzjoni, filwaqt li t-tieni xenarju hu meta l-ewwel wieħed ma jkunx jista’ jseħħ minħabba li l-partiti fl-Oppożizzjoni jkunu b’saħħithom indaqs, jew inkella minħabba li ma jkunx hemm partit fl-Oppożizzjoni, u f’dan il-każ il-President jaħtar Kap tal-Oppożizzjoni lil dak li jkun igawdi l-maġġoranza ta’ grupp ta’ Deputati. Għaldaqstant, qal li skont dawn il-provvedimenti meta applikati għas-sitwazzjoni preżenti, indubjament il-Kap tal-Partit Nazzjonalista għandu jkun il-Kap tal-Oppożizzjoni. 

Saħaq li mal-Kostituzzjoni ma jistgħux isiru kompromessi, ma jistgħux jinħolqu toroq tan-nofs jew inkella jsiru interpretazzjonijiet ta’ provvedimenti li ma jeżistux. Qal li dak li hemm miktub irridu nsegwuh u nobduh, għax ubi lex voluit, dixit – dak li l-liġi trid, tgħidu. Għalhekk qal li dak li m’hemmx miktub ma nistgħux ngħiduh jew nivvintawh biex inġiegħluh jeżisti.

Għalhekk jgħid li kieku l-President neħħa lil Adrian Delia minn Kap tal-Oppożizzjoni, Delia ma kienx jibqa’ l-Kap tal-Partit, u dan minħabba li l-istatut tal-Partit Nazzjonalista jistipula li l-Kap tal-Partit għandu jkun il-Kap tal-Oppożizzjoni u allura la darba dan ma jkunx il-każ, ma jistax iżomm il-kariga ta’ Kap tal-Partit. Bil-Kap tal-Partit vakanti, kif ukoll il-kariga ta’ Kap tal-Oppożizzjoni, jgħid li ma kien ikun hemm ebda triq oħra ħlief li l-PN jirrikonoxxi li għandu bżonn jeleġġi Kap permezz tal-mekkaniżmi interni tiegħu. Ikompli jispjega kif malli jkun hemm Kap elett, il-President tar-Repubblika jkun f’pożizzjoni li jaħtar Kap tal-Oppożizzjoni. 

L-avukat Miguel Balzan jgħid li b’mod naturali jqum l-argument minħabba li l-kariga ta’ Kap tal-Oppożizzjoni hi pożizzjoni Kostituzzjonali u allura ma tistax titħalla vakanti għal ħafna żmien. Jgħid li dan hu argument validu u importanti ħafna. Madankollu, jisħaq li minħabba dan m’għandhiex tinkiser il-Kostituzzjoni, jew inkella li nimxu ma’ interpretazzjonijiet ibbażati fuq xi interess jew simpatija politika.

Jisħaq li l-Kostituzzjoni għandha tiġi mifhuma u interpretata bħala ħaġa waħda u mhux separatament, fejn il-provvedimenti bejnethom għandhom jaħdmu f’sintonija. 

“Delia għandu jmur għand il-membri”

Intant, staqsejna wkoll l-opinjoni tas-soċjologu u eks-kandidat tal-Partit Nazzjonalista, Michael Briguglio dwar dak li għandu jiġri minn issa ‘l quddiem. Briguglio qal kemm dak li ddeċieda l-President, bħala l-gwardjan tal-Kostituzzjoni, kif ukoll dak li ġara fl-eżekuttiv u fil-grupp parlamentari tal-PN, bħala organizzazzjoni politika bl-istatut tagħha, ma jistgħux jiġu injorati. Qal li hu jemmen li bħala sforz għall-għaqda interna, Adrian Delia għandu jmur għand il-membri, jiġifieri għand il-Kunsill Ġenerali u t-tesserati, skont kif tindika l-proċedura tal-istess statut li fuqu kien hemm qbil unanimu ftit tal-ġimgħat ilu.

Share With: