Id-deputati ribelli tal-PN jgħidu li Delia qed joħloq firda fil-partit

Ir-reazzjoni tal-Kap Nazzjonalista Adrian Delia wara li tilef il-fiduċja tal-Kumitat Eżekuttiv u tal-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista “minflok kienet waħda ta’ għaqda, kienet waħda li toħloq aktar firda”. 

Hekk tgħid stqarrija maħruġa mid-deputati ribelli Nazzjonalisti li saħqu li fl-aħħar jiem Delia talab li jittieħdu passi dixxiplinarji kontra ż-żgħażagħ tal-Partit Nazzjonalista wara li esprimew l-opinjoni tagħhom. Tennew li saħansitra mar fuq l-istazzjon nazzjonali u fetaħ attakk fuq numru ta’ Deputati tal-Partit Nazzjonalista u uża l-midja soċjali u mezzi tax-xandir tal-Partit Nazzjonalista biex jhedded li min ma jaqbilx miegħu m’għandux postu fil-Partit Nazzjonalista.

Id-deputati ribelli żiedu jgħidu li l-attitudni u l-aġir ta’ Adrian Delia mhumiex denji ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista, u filwaqt li qed joħloq il-firda fil-PN, minflok jassumi r-responsabbiltà politika u jwarrab bil-kwiet, għal Delia min ma jaqbilx miegħu għandu jiġi “mwarrab, mhedded u mgħajjar”.

Temmew jgħidu li filwaqt li jemmnu bis-sħiħ li bħalissa l-Partit Nazzjonalista jinsab f’salib it-toroq, għandu quddiemu żewġ għażliet: jew ikollu Kap tal-Partit li jgħaqqad u jagħmel il-partit wieħed żagħżugħ u rebbieħ, jew inkella jibqa’ b’Kap tal-Partit li jifred u li jrid joħnoq il-vuċi taż-żgħażagħ.

Share With: