Il-bejgħ ta’ Newcastle jista’ jerġa’ jieħu l-ħajja?

Id-direttur maniġerjali ta’ Newcastle United, Lee Charnley, reġa’ qawwa qalb dawk il-partitarji akkaniti tal-Magpies li l-bejgħ li naqas milli jsir ma’ konsorzju mill-Arabja Sawdija jerġa’ jieħu l-ħajja. Skond Charnley din għadha biss probabbiltá għalkemm kollox jista’ jiġri f’dan l-isfond xi ftit inċert.

Charnley kiser is-silenzju assolut meta tkellem dwar it-telenovela tas-sena 2020 fejn il-PIF (Public Investment Fund) tal-Arabja Sawdija kellu jixtri l-club minn Newcastle għas-somma ta’ £300 miljun. Mal-PIF kienu se jiġu involuti gruppi oħra fosthom Reuben Brothers u Amanda Staveley.

Dawn l-istess xerrejja naqsu milli jaslu għal xi forma ta’ ftehim wara l-laqgħa li kellhom il-Ħamis li għadda fejn fost l-oħrajn qalu li kien hemm dewmien kbir mis-sidien preżenti tal-club sabiex joħorġu bis-soluzzjonijiet għad-domandi tagħhom..

Min-naħa tiegħu Charnley qed jipprova jqawwi qalb il-partitarji tal-Magpies wara li dawn tal-aħħar qed jakkużaw lis-sid Mike Ashley li qed jagħmel il-bsaten fir-roti. Mill-banda l-oħra l-coach ta’ Newcastle United, Steve Bruce, jinsab ħerqan sabiex tinstab soluzzjoni f’dan ir-rigward minħabba li jrid jibda jaħseb dwar il-players li se jixtri fis-suq tat-trasferimenti tas-sajf fit-tentattiv li jsaħħaħ l-iskwadra tiegħu. Din l-inċertezza ftit qed tagħmel ġid lill-club li ssemma’ ferm matul dawn l-aħħar xhur fuq il-bdil ta’ proprjetá minn sid għal ieħor.

Lee Charnley ħareġ stqarrija hu stess fejn iddefenda l-imġieba ta’ Mike Ashley u qal li hu jixtieq ibigħ lill-club bħal kull diriġent ieħor fi ħdan il-club, basta jkun f’idejn sodi.

Id-direttur tal-klabb kompla jgħid li l-għan tiegħu huwa li jagħti sapport lil Steve Bruce sabiex isib dawk l-elementi ġodda li jistgħu jikkumplimentaw lill-plejers li għandu fil-preżent.

Ashley reġa’ qajjem il-punt max-xerrejja prospettivi kmieni l-Ġimgħa filgħodu f’telefonata fuq il-mezzi virtwali. Hu jinsab ħerqan li jbigħ il-klabb sabiex ikun jista’ jqajjem fuq saqajh in-negozju personali tiegħu wara problemi finanzjarji li qed jiffaċċja.

Minkejja kollox, l-istqarrija ta’ Charnley dehret xi ftit dubjuża għal Ashley li qed jgħid li l-proposta tiegħu ma tantx qed tikkonvinċi lix-xerrejja prospettivi filwaqt li mhux lesti jħallsu somma ta’ £350 miljun sabiex jaslu għal dak li jixtieq hu.

Ħafna huma tal-opinjoni li kemm ilu fit-tmexxija tal-club għal dawn l-aħħar 13-il sena, Ashley iltaqa’ ma’ ħafna xerrejja u investituri li madankollu jgħidu ħafna iżda jonqsu milli jsemmu l-fatti veri. Wieħed mill-aħħar negozjanti interessati kien Henry Mauriss, li għandu f’idejh stazzjon tat-televiżjoni fl-Istati Uniti. Madankollu Ashley jixtieq jara aktar fatti speċjalment l-assi li għandu l-istess Mauriss qabel ma jikkommetti ruħu.

L-ewwel kuntatt ta’ Mauriss ma’ Ashley sar f’Novembru li għadda meta l-logotenent Justin Barnes laqqagħhom flimkien. Għal bidu Ashley beda jemmen dak li qallu Mauriss iżda fix-xena tfaċċa l-investitur mill-Arabja Sawdija li kompla ħawwad il-borma diġá mħawda. Filwaqt li Mauriss pinġa lilu nnifsu bħala xerrej ġenwin, l-investitur Għarbi beda jsemmi ċifri ferm għolja sabiex jakkwista lil Newcastle United.

Bosta kkummentaw kemm il-PIF u l-membri tal-Premier League Ingliż ma jarawx għajn m’għajn ma’ xulxin minħabba li dawn tal-aħħar ma jafdawx dan it-tip ta’ investiment.

Finalment, bosta partitarji ta’ dan il-club ta’ suċċess fis-snin disgħin qed jaraw dejjem aktar taħwid u qed jistennew xi tip ta’ kjarifika mill-ogħla awtoritajiet tal-club sabiex jaslu għal soluzzjoni li tkun ta’ ġid kbir fil-progress aħħari ta’ dan it-team.

Share With: