Il-coach Devis Mangia jindirizza l-ewwel konferenza stampa

Waqt konferenza stampa li ġiet indirizzata fis-sala ewlenija tas-Centenary Stadium, ingħataw l-aħħar dettalji rigward il-progress tat-team nazzjonali Malti wara li dan reġa’ beda jitħarreġ wara l-pandemija tal-coronavirus.

Din il-konferenza ġiet indirizzata mill-coach, Devis Mangia, kif ukoll mill- captain, Andrei Agius.

Mangia beda biex qal li jinsab ferm kuntent bl-andament tat-taħriġ tal-players tiegħu speċjalment bl-attitudni pożittiva li qed juru.

Huwa sostna li l-għażla li għamel ma kinitx ibbażata fuq ismijiet iżda fuq taħlita ta’ players ta’ esperjenza u oħrajn żgħażagħ fosthom Paul Mbong u Neil Tabone b’dan tal-aħħar saħansitra jintgħażel mill-Kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni wara li mpressjona maċ-cham­pions Zejtun Corinthians.

Huwa saħaq li hu flimkien mat-team tekniku  m’għandhom l-ebda dispjaċir bl-għażla finali tal-iskwadra fejn semma’ b’mod partikolari li tħallew barra  Luke Gambin u Rowen Muscat minħabba żewġ raġunijiet differenti.

Filwaqt li Gambin jinsab imweġġa’, Muscat  informa lil Mangia li ma kienx f’pożizzjoni li jibda t-taħriġ mat-team nazzjonali.

Mistoqsi dwar x’impatt ħalla l-coronavirus fuq it-team nazzjonali minħabba li (bħal kull team ieħor) ma kienx impenjat f’logħbiet ta’ preparazzjoni għal dawk kompetittivi, huwa wieġeb li ovvjament din ħarbtet għal kollox il-pjani li huwa kellu. Madankollu, afferma li jinsab ċert li l-pjan strateġiku li huwa għandu mħejji għat-team nazzjonali se jkun qed iħalli l-frott.

Tkellem ukoll il-captain, Andrei Agius, li ddeskriva l-ambjent preżenti tat-team nazzjo­nali bħala wieħed ferm san u mimli entużjażmu.

Huwa qal li t-taħlita ta’ players ta’ esperjenza flimkien ma’ oħrajn żgħażagħ għandha sservi  mitqlu deheb. Huwa semma’ b’mod partikolari lill-players żgħażagħ li ġew imsejħa għall-ewwel darba hekk kif tabilħaqq jista’ jifhem u jħoss l-entużjażmu tagħhom minħabba li huwa għadda mill-istess esperjenza meta kien issejjaħ għall-ewwel darba fl-iskwadra nazzjonali meta kellu biss 18-il sena.

Huwa kkonkluda billi qal li l-futur jidher wieħed pożittiv li għandu jwassal għal riżultati tant mixtieqa. 

Fil-programm ta’ ritorn għat-taħriġ imħejji mill-MFA, hemm inklużi testijiet fiżiċi u mediċi, sessjonijiet ta’ taħriġ u anke laqgħat tekniċi u tattiċi li huma intiżi biex jgħinu aħjar fil-preparazzjoni għal-logħbiet li ġejjin.

Ta’ nota huwa l-fatt li wara diskussjonijiet mal-clubs lokali, ġie miftiehem li l-players li se jkunu qed jieħdu sehem fil-kompetizzjonijiet Ewropej għall-istaġun li ġej se jitħarrġu mat-team nazzjonali fl-ewwel ġimgħa biss biex eventwalment ikunu għad-dispożizzjoni tal-clubs rispettivi tagħhom.

L-istess coaches tat-team nazzjonali se jku­nu qed jiltaqgħu mal-coaches tal-clubs biex ikun hemm pjan għal quddiem.

It-team nazzjonali tal-kbar qed jippreparaw għall-UEFA Nations League fejn fi Grupp D1 huma se jiltaqgħu kontra Faroe Islands (3 ta’ Settembru) barra minn darhom u kontra l-Latvja (6 ta’ Settembru) fl-Istadium Nazzjonali f’dawk li se jkunu l-ewwel partiti ta’ Malta għal din is-sena 2020.

Il-logħbiet ta’ ħbiberija ta’ Marzu li kellhom jintlagħbu kontra Ġibiltá u Azerbaijan kif ukoll it-training camp ta’ Ġunju u l-partita ta’ ħbiberija kontra l-Portugall ġew ikkanċellati wara l-kriżi li ġabet magħha l-Covid-19.

Sadanittant bi preparazzjoni għas-sessjonijiet ta’ taħriġ, il-players li ġew mgħajta mill-coaches tat-team nazzjonali qed jgħaddu minn sensiela ta’ testijiet fiżiċi u mediċi li jinkludi s-swab test tal-Covid-19 skond il-protokoll tal-Awtoritá tas-Saħħa  li ġie ppreparat mid-dipartiment tal-assoċjazzjoni medika.

Il-protokoll tas-saħħa jinkludi xi miżuri ta’ prevenzjoni u ta’ mitigazzjoni mill-Awtorita­jiet tas-Saħħa li kienu fasslu d-data tal-1 ta’ Lulju bħala l-ġurnata meta għandu jerġa’ jibda t-taħriġ ta’ dak l-isport ta’ kuntatt.

L-Iskwadra Maltija hija:

 Goalkeepers: Rashed Al-Tumi (Casarano Calcio, Italja);  Matthew Calleja Cremona (Hibernians); Jake Galea (Sliema W.); Henry Bo­nello (Valletta).

Difensuri: Enrico Pepe (Birkirkara);  Steve Borg (Gzira U.); Andrei Agius (Hibernians);  Zach Muscat (SC Olhanense, Portugall); Kurt Shaw (Sliema W.); Jean Borg (Valletta). 

Midfielders: Steven Pisani (Balzan); Cain Attard, Matthew Guillaumier, Yannick Yankam (Birkirkara); Ryan Camenzuli (Floriana); Za­chary Scerri, Dexter Xuereb (Gzira U.); Joseph Mbong Jake Grech, Myles Beerman, Dunstan Vella (Hibernians); Triston Caruana (Valletta); Neil Tabone (Zejtun C.).

Attakkanti: Paul Mbong, Luke Montebello (Birkirkara); Amadou Samb (Gzira U.); Jurgen Degabriele (Hibernians); Jean Paul Farrugia (Sliema W.); Shaun Dimech, Mario Fontanella, Kyrian Nwoko (Valletta).

Share With: