Il-ġnien tal-MCP wasal fl-aħħar fażi

Tkompli l-ħidma biex jonqsu l-karozzi fil-Belt Valletta

Minn ANTHEA CACHIA

Fi żjara tiegħu, fil-ġnien ta’ fuq il-parkeġġ “vitali” ta’ l-MCP, il-Ministru għat-trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali, Ian Borg, faħħar ix-xogħol siewi tad-diretturi tal-dan il-parkeġġ ta’ ħidma bla waqfien biex mhux biss jiżdied il-parkeġġ għall-kull persuna li tidħol fil-belt kapitali tagħna iżda talli taw ukoll spazju mitfuħ ta’ rikrejazzjoni għall-pubbliku. 

Dan il-ġnien, li issa kważi wasal fl-aħħar fażi tiegħu, huwa mimli b’diversi pjanti ndiġeni fosthom siġar taż-żebbuġ li huma importati minn Spanja. Apparti minn hekk se jkollu spazji speċifiċi għal bankijiet biex kull persuna li żżur dan il-ġnien ikollha l-opportunita li tieqaf, tpoġġi u tammira l-isbuħija ta’ pjanti fl-istess ġnien. Għaldaqstant dan il-ġnien se jkun wieħed ċentrali hekk kif se jkun qiegħed jgħaqqad żewġ ġonna oħra fiż-żona tal-parkeġġ. 

Il-Ministru Borg qal li mill-400 parkeġġ addizzjonali mal-ispazju tal-parkeġġ preżenti, 100 minnhom se jittieħdu mill-Gvern ma’ ftehim mal-Kunsilli Lokali tal-Belt u tal-Furjana biex dawn il-parkeġġi jingħataw lil entitajiet tal-Gvern. 

Din l-inizjattiva hija parti mill-pjan tal-Gvern bħala parti mill-ħidma biex in-numru ta’ vetturi li jidħlu fil-Belt Valletta dejjem jonqos.

Share With: