Il-Gvern b’sejħa ta’ interess għal bastiment bil-għan li jinżammu fuqu l-immigranti fi kwarantina

Il-gvern Malti se joħroġ sejħa ta’ espressjoni ta’ interess għal bastiment, bil-għan li fuqu jinżammu immigranti fi kwarantina.

Il-gvern qiegħed jaħdem bis-sħiħ biex inaqqas il-wasliet lejn Malta, tant li fl-aħħar ġimgħat eluf ta’ immigranti li bdew il-vjaġġ mil-Libja kienu salvati fl-ibħra Libjani u ttieħdu lura minn fejn bdew il-vjaġġ. Baqgħet għaddejja wkoll il-ħidma għal rikolazzjonijiet u ritorn ta’ persuni li ma jkunux eleġibbli għall-protezzjoni.

Minkejja dan, jibqgħu jinqalgħu każi fejn fl-ibħra Maltin l-għażla tkun bejn jekk jissalvawx persuni li jkunu qegħdin jegħrqu jew jekk jitħallewx imutu. F’dawn il-każi, Malta ma jkolliex għażla ħlief li ssalva skont l-obbligi legali u internazzjonali tagħha li bihom hi marbuta.

Sal-lum, diġà ttieħdu l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa fil-każi fejn instabu immigranti pożittivi u dawn dejjem inżammu iżolati. Saħansitra, il-gvern fetaħ klinika f’Ħal Far operata mir-Red Cross.

F’dan l-istadju, il-gvern Malti ħass li għandu jkun hemm ukoll l-għażla li jintuża dan il-bastiment biex is-sitwazzjoni tkun ikkontrollata u mmaniġġjata b’mod aħjar.

Dan il-bastiment irid jikkumplimenta l-ħidma tal-gvern Malti, li hija qabel xejn iffukata fuq il-prevenzjoni tal-wasliet, u l-użu tiegħu huwa maħsub għal meta l-Forzi Armati ta’ Malta ma jkollhomx għażla ħlief li jsalvaw persuni li jkunu qed jegħrqu.

Share With: