“Il-gvernijiet u l-istituzzjonijiet għandhom imexxu b’eżempju fil-flessibbiltà” – MEP Josianne Cutajar

Miktub minn MELVIN FARRUGIA

Il-Membru Parlamentari Ewropew Josianne Cutajar temmen li meta nitkellmu dwar flessibbiltà, għandhom ikunu l-gvernijiet u anke l-istituzzjonijiet Ewropej li jmexxu b’eżempju f’dan ir-rigward. F’intervista ma’ Inewsmalta , Cutajar qalet li issa li għaddejna mill-pandemija, għad irridu naraw jekk morniex lura għal kif konna qabel. Saħqet li fejn kien hemm punti pożittivi, li kienu tajbin għall-kwalità tal-ħajja tagħna u anke għall-produttività, issa għandna nkomplu nħeġġuhom. 

Semmiet kif l-istituzzjonijiet Ewropej għandhom ħafna fejn jistgħu jmexxu b’eżempju f’dan ir-rigward u qalet li minkejja li nitkellmu ħafna dwar il-ħiliet diġitali, xorta meta ġew biex jaddattaw għal laqgħat tal-gruppi u kumitati fejn il-votazzjonijiet isiru online, kien hemm perjodu qabel ma dan seta’ jsir. Barra hekk, semmiet kif s’issa għadha ma tistax tagħmel intervent fil-plenarja jekk ma tkunx hemm fiżikament. Spjegat li dan ifisser li hi ma tistax tipparteċipa daqs min baqa’ Brussels u allura tista’ tagħmel biss intervent bil-kitba. 

Għalhekk qalet li ladarba jerġa’ jkun possibbli li jitilgħu Brussels, se jkun interessanti li jaraw jekk il-Parlament Ewropew u l-istituzzjonijiet Ewropej hux se jżommu l-faċilità li ċerti votazzjonijiet jew parteċipazzjonijiet ikunu jistgħu jsiru virtwalment.  

Spjegat kif b’dan il-mod jista’ jiġi ffrankat ħafna ħin f’ċerti laqgħat li ma jirrikjedux bilfors il-preżena fiżika, filwaqt li jippermetti li ċerti għaqdiet li m’għandhomx daqstant riżorsi xorta jsemmgħu leħinhom, mingħajr ma jkollhomx għalxiex jivvjaġġaw. Għalhekk tagħmilha ċara li jekk irridu nikkonvinċu lin-nies, kollox irid jibda minn dawk li jagħmlu l-liġijiet.  

L-importanza tal-flessibbiltà fuq il-post tax-xogħol

Cutajar qalet li l-ħidma ta’ kollaborazzjoni mal-GWU, trid tibda billi jfehmu lin-nies dwar kemm hu importanti li jkollna l-flessibbiltà fuq il-post tax-xogħol. Spjegat li dan ma jfissirx biss telework, iżda arranġamenti differenti bħal ngħidu aħna anke fil-ħinijiet, fejn ħaddiem jiftiehem ma’ min iħaddmu biex jaħdem sigħat differenti tax-xogħol. 

Qalet li l-messaġġ irid ikun li dak it-tajjeb li ħadna b’mod sforzat waqt il-pandemija, irridu niżviluppawh u nagħmluh għall-aħjar. Għalhekk qalet li tixtieq tara li anke fuq il-postijiet tax-xogħol jibda jkollna diskussjoni dwarr arranġamenti aktar flessibbli, kemm fil-privat u anke fil-Gvern. Spjegat li hemm postijiet fejn diġá kienet teżisti din il-flessibbiltà, filwaqt li kien hemm oħrajn li ma kienx hemm u ġiet introdotta. 

L-ewroparlamentari semmiet eżempju ta’ kumpanija li żaret il-ġimgħa li għaddiet, li taħdem fuq software u diġà kellha dawn is-sistemi f’posthom. Stqarret li dan il-post tax-xogħol kien jemmen fil-flessibbiltà u allura addatta b’mod aktar faċli waqt il-pandemija. 

Min-naħa l-oħra, qalet li biex ikollna dawn l-affarijiet, irid ikollna l-infrastruttura u l-ħiliet diġitali. Spjegat li dawn huma essenzjali u allura  għandha tingħata l-għajnuna lill-intrapriżi żgħar u medji li mhux dejjem ikollhom ir-riżorsi biex jinvestu. 

Cutajar irreferiet ukoll għal studji li saru minn kumpaniji lokali u qalet li dawn juru li żewġ terzi tal-ħaddiema jixtiequ li jkun hemm dawn l-arranġamenti flessibbli. Min-naħa l-oħra, qalet li hemm anke min iħaddem li qed jara dawn il-benefiċċji. Filwaqt li għamlitha ċara li mhux kull tip ta’ xogħol jista’ joffri din il-flessibbiltà, min-naħa l-oħra qalet li fejn hu possibbli, hu importanti li aħna nħarsu ‘l quddiem. Spjegat li kien għalhekk li hi, flimkien mal-GWU, nedew din l-inizjattiva, biex kemm fuq bażi lokali u anke fuq bażi Ewropea jqajmu kuxjenza u dibattitu f’dan ir-rigward. 

Spjegat li dan mhux dibattitu naturali, għax minkejja ċ-ċirkostanzi li kellna, id-dinja reġgħet qabdet ir-rutina ta’ qabel. Madankollu, qalet li ma rridux immorru lura kif konna, mingħajr ma nieħdu t-tajjeb li jaffettwa l-kwalità tal-ħajja tagħna, kemm bħala bilanċ aħjar bejn il-ħajja tax-xogħol u l-ħajja tal-familja, u anke fejn jidħol l-ambjent, fejn rajna li t-traffiku kien naqas sew.  

Rigward il-flessibbiltà, Josianne Cutajar qalet li din għandha tkun dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol, iżda mhux fejn jidħlu d-drittijiet. Sostniet li l-istandards tas-saħħa u s-sigurtà jridu jibqgħu hemm u anzi jiġu għall-aħjar billi lill-ħaddiem min jimpjegah jarah bħala bniedem u jibni relazzjoni miftuħa miegħu fejn jifhmu lil xulxin. Stqarrt li meta tinbena fiduċja bejn xulxin u jaraw lil xulxin minn aspett uman, il-politika li jkun hemm bżonn li ssir u l-liġijiet li jkunu jridu jsiru jiġu b’mod awtomatiku. 

Cutajar semmiet ukoll il-kwistjoni tal-aċċessibbiltà, fejn qalet li ċerti persuni li jkollhom kwistjonijiet personali u allura jkollhom bżonn ċerta flessibbiltà, jiġu mċaħħda minn ċerti promozzjonijiet u karigi. Spjegat li jekk is-sistema ta’ flessibbiltà tidħol b’mod reali, allura tkun qiegħda tiżdied anke l-aċċessibbiltà għal dawn il-ħaddiema. 

Min-naħa l-oħra, l-ewroparlamentari qalet li dan ma jfissirx li jiġi eliminat kompletament il-ħin tal-uffiċċju. Spjegat li l-kuntatt uman hu importanti wkoll u allura ċerta ħinijiet u laqgħat wiċċ imb’wiċċ huma importanti. Madankollu, hi qalet li temmen fl-għażla u li għandha ssir diskussjoni u qbil bejn min iħaddem u l-ħaddiem biex isiru arranġamenti flessibbli li jinkludu anke ħin l-uffiċċju fil-ħinijiet essenzjali u l-kumplament tal-ħin li jkun jista’ jsir mid-dar. 

Fir-rigward tal-aċċessibbiltà, Josianne Cutajar semmiet ukoll li din il-ġimgħa ltaqgħet mal-Għaqda Studenti Universitarji Għawdxin, il-GUG fejn iddiskutew il-flessibbiltà fl-istudju u dwar kif l-aspett diġitali jista’ jgħin biex ċerta tagħlim isir online. Qalet li waqt il-COVID-19, diġà kien hemm lezzjonijiet virtwali li saru b’mod sforzat peress li kellhom jaddattaw bilfors. Qalet li l-istudenti Għawdxin qajmu l-punt validu li għandu jkun hemm il-lezzjonijiet disponibbli online biex jiġi ffrankat ħafna vvjaġġar għalxejn jew inkella għal lezzjoni waħda. Barra hekk semmiet persuni morda, fosthom dawk bil-kanċer u qalet li kien hemm gruppi li tkellmu proprju dwar din iċ-ċirkostanza. Staqsit għalxiex min għaddej minn mard ma jistax ikollu l-faċilità li ċerta tagħlim isegwieh online. 

Min-naħa l-oħra, hi qalet li hi konxja li hemm ċerti modules u korsijiet li jirrikjedu tagħlim prattiku. Madankollu, qalet li fejn hu possibbli nistgħu nibdew bbid-diskussjoni u nippreparaw is-sistemi tagħna. Qalet li universitajiet barranin huma attrezzati għalhekk u allura għalxiex aħna ma naddattawx ukoll għal din ir-realtà. 

L-aspett leġiżlattiv

Rigward l-aspett leġiżlattiv ta’ kif tista’ ssir din il-flessibbiltà, Josianne Cutajar qalet li diġà hemm direttiva Ewropea li titkellem dwar diversi punti ta’ flessibbiltà fejn jidħol il-post tax-xogħol. Qalet li din għad trid tiġi trasposta u implimentata fil-liġi Maltija. 

Fil-preżent, Cutajar qalet li l-liġi Maltija tagħti l-possibbiltà tat-telework u kif wieħed jista’ jibbenefika minnha. Min-naħa l-oħra, qalet li d-direttiva Ewropea hi aktar wiesgħa u tagħti aktar faċilitajiet fejn jidħol il-bilanċ bejn il-ħajja personali u x-xogħol u fil-kundizzjonijiet ukoll. Semmiet ukoll eżempju, fejn koppja li jkollhom it-tfal, jibbenefikaw ukoll minn ċerta flessibbiltà. Saħqet li dan hu l-livell ta’ leġiżlazzjoni li tixtieq tara aktar dwaru fuq livell lokali. 

Però, apparti l-leġiżlazzjoni, Cutajar tixtieq li bħala pajjiż nedukaw u jkollna kultura li l-flessibbiltà ma tiġix għax hemm liġi, imma għax ikun hemm il-fiduċja fuq il-post tax-xogħol u għax vera nemmnu li din tista’ tkun tajba kemm għall-impjegat u għal min iħaddmu. Spjegat li meta xi ħadd ikun flessibbli miegħek, meta mbagħad jitlob xi ħaġa minnek fil-mument tal-bżonn, għalik ikun aktar faċli li tpattilu lura. 

Aktar investiment fil-ħiliet diġitali

L-ewroparlamentari semmiet li l-edukazzjoni hi ċ-ċavetta għall-progress u għalhekk qalet li hu importanti li nedukaw lill-SMEs biex jittrasformaw lilhom infushom fil-qasam diġitali. Qalet li dan hu importanti kemm mil-lat ta’ reżiljenza, kif ukoll biex nimxu lejn l-Aġenda Diġitali Ewropea. Spjegat li dan għandna nagħmluh anke biex ma noqogħdux lura milli nieħdu l-opportunitajiet ta’ din l-aspettattiva tat-trasformazzjoni. 

Għalhekk qalet li hu importanti li kemm l-Unjoni Ewropea u anke l-gvernijiet lokali jgħinu biex verament issir din il-qalba. Anke fejn jidħol il-Green Deal, Cutajar qalet li ma tixtiqx li niġu f’punt fejn minħabba li l-intrapriżi tagħna u l-ħaddiema ma jkunux ippreparati biżżejjed, allura l-ħaddiema jispiċċaw mhux validi f’xogħolhom, jew inkella n-negozji jagħlqu għax ma nkunux ħsibnielu minn kmieni għat-taħriġ. 

Saħqet li t-taħriġ hu essenzjali u għalhekk qalet li laqgħet tajjeb l-aħbar li l-Gvern Malti se jagħti għajnuna għat-taħriġ lill-kumpaniji ż-żgħar. Josianne Cutajar qalet li aħna ġejjin minn gżejjer żgħar li huma reżiljenti u li r-riżors uman hu xi ħaġa essenzjali għalina. Għalhekk qalet li għandna nużawha billi nkunu proattivi u protagonisti. 

Il-Eurofound issejjaħ għal qafas leġiżlattiv b’saħħtu

Intant, l-ewroparlamentari semmitielna wkoll kif l-aġenzija Eurofound ukoll qiegħda tisħaq li jkun hemm qafas leġiżlattiv. Semmiet kif fl-aħħar ta’ dan ix-xahar ħiereġ rapport ta’ studju li sar minn Eurofound, li hi aġenzija li tiffoka proprju dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema. Qalet li s-suġġeriment u s-sejħa tagħhom diġà kien li jkun hemm qafas leġiżlattiv b’saħħtu, li jġib flimkien id-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol, flimkien mad-direttivi kollha li hemm dwar is-saħħa u s-sigurtà. Kompliet tispjega li l-Eurofound imbagħad tgħid li kull dettall ieħor għandu jintleħaq permezz ta’ djalogu soċjali fuq livell settorjali u fuq livell ta’ kumpaniji individwali. Għaldaqstant, Josianne Cutajar tgħid li hu tajjeb li jkollna din l-inizjattiva u nkomplu naħdmu fuqha u naraw ir-riżultati minnha. 

Share With: