Il-każijiet globali tal-Covid-19 jaqbżu s-16-il miljun

Fl-aħħar sigħat iċ-Ċina rrapportat l-ikbar numru ta’ każijiet ġodda ta’ Covid-19 f’dawn l-aħħar tliet xhur. Dan kompla jżid it-tħassib hekk kif jidher li għadd ta’ pajjiżi fl-Asja u anke l-Ewropa qegħdin jiffaċċjaw it- tieni u anke t-tielet mewġa tal-pandemija. L-aħħar ċifri juru li issa l-każijiet globali qabżu s-16-il miljun.

L-Awstralja rreġistrat l-ikbar numru ta’ mwiet kemm ilha li bdiet il-pandemija, filwaqt li Hong Kong qiegħed ukoll jesperjenza numri rekord kuljum. Intant għadd ta’ pajjiżi oħrajn għadhom qegħdin jikkumbattu l-ewwel mewġa hekk kif dawn qatt ma rnexxilhom jikkontrollawha. Fost dawn hemm l-Istati Uniti kif ukoll l-Amerika Latina u l-Karibew. Għadd ta’ esperti huma tal-fehma li n-numri uffiċjali ma jirrappreżentawx iċ-ċifri vera hekk kif huma jaħsbu li n-numru huwa iktar minn hekk. 

Matul il-ġurnata tal-bieraħ, iċ-Ċina kellha 61 każ ġdid ta’ Covid-19 – l-ikbar numru minn April ’il hawn. It-tieni mewġa jidher li kienet instigata minn każijiet ta’ infezzjonijet f’reġjuni separati. Intant ġewwa l-Awstralja, matul il-ġurnata tal-Ħadd, kienu rrapportati għaxar fatalitajiet kawża tal-Covid-19 kif ukoll kien hemm żieda l-każijiet ġodda. Dan minkejja l-miżuri ta’ lockdown. 

Share With: