Il-konsum tal-elettriku baqa’ b’saħħtu waqt il-pandemija

Miktub minn Victor Vella

Ir-reżiljenza tal-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin kienet ikkonfermata minn ċifri li ppublika għall-ewwel darba l-uffiċċju Ewropew tal-istatistika, il-Eurostat, fuq il-konsum tal-elettriku xahar b’xahar mill-bidu tal-2020 bil-għan li tingħata informazzjoni fuq l-impatt tal-pandemija fuq l-ekonomija u s-soċjeta Ewropea. 

Fix-xhur ta’ Marzu u April, bħala medja madwar l-Unjoni Ewropea, kien hemm tnaqqis ta’ 8% fil-konsum tal-elettriku mil-livell fl-istess xhur tal-2019. L-akbar tnaqqis kien osservat fil-Lussemburgu fejn il-konsum f’Marzu u April 2020 kien 17% anqas minn dak fis-sena ta’ qabel. Anke f’Ċipru, Spanja, Franża u Slovakkja kien hemm tnaqqis ta’ 10%, jew aktar, fil-konsum tal-elettriku.   

B’kuntrast, fl-eqqel tal-Covid-19, Malta kellha tnaqqis fil-konsum tal-elettriku ta’ 6% biss. Fiż-żona ewro il-Latvja, l-Finlandja u l-Estonja biss irreġistraw tnaqqis anqas minn dak f’Malta. Din hija konferma oħra li d-daqqa ekonomika tal-pandemija f’pajjiżna kienet anqas għal dik fil-bqija tal-Unjoni Ewropea. 

Il-maġġorparti tat-tnaqqis seħħ f’April tant li, madwar l-Unjoni Ewropea, il-konsum tal-elettriku kien 12% anqas mill-2019. L-akbar tnaqqis kien fi Franża u f’Ċipru, b’konsum anqas ta’ 19%.

Anke meta tħares lejn April biss, il-konsum f’Malta naqas b’rata anqas mill-medja Ewropea, bi tnaqqis ta’ 10%. L-istatistika turi li kien hemm 12-il pajjiż Ewropew bi tnaqqis ta’ 10% u aktar. 

Ir-raġuni ewlenija għalfejn it-tnaqqis fil-konsum tal-elettriku f’pajjiżna kien anqas mill-medja Ewropea jirrifletti d-deċiżjoni tal-Gvern li ma jkunx hawn lockdown tal-attività ekonomika. Analisti li tkellmu ma’ dan is-sit irrimarkaw li “minkejja li f’dan il-perjodu ma kienx hawn il-mijiet ta’ eluf ta’ turisti li s-soltu jkun hawn, pajjiżna xorta kellu tnaqqis fil-konsum anqas mill-medja Ewropea għax industriji oħrajn komplew joperaw b’kuntrast għal dak li ġara f’pajjiżi oħra”. 

Dan ma kienx l-unika riżultat simili. Ftit tal-ġimgħat ilu l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika ħareġ statistika li tikkonferma li l-ġid nazzjonali f’Malta kompla jiżdied, b’kuntrast għal medja Ewropea. Din il-ġimgħa stess, il-Eurostat ħarġet stqarrija li uriet li l-industrija f’pajjiżna baqgħet tirreġistra riżultati aħjar minn dawk tal-bqija tal-Unjoni Ewropea.

Il-Gvern esprima l-konvinzjoni tiegħu li, fid-dawl tal-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika, inkluż s-sussidju qawwi tal-kontijiet tal-elettriku li se jingħata lin-negozji, huwa mistenni li l-andament ekonomiku f’pajjiżna jkompli jirkupra u jiżboq dak osservat internazzjonalment.    

Share With: