Il-kuntratt tal-proġett tal-windfarms tal-Montenegro jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Parlament

Kif kien imwiegħed diversi jiem ilu, il-Ministru għall-Enerġija Michael Farrugia, poġġa fuq fil-Parlament  il-kuntratt tal-windfarms f’Montenegro. Il-Ministru  Farrugia iddikjara li hu qed jagħmel dan biex ikun hemm trasparenza sħiħa. Magħhom poġġa ukoll id-dokumenti kollha annessi mal-kuntratt tal-Enemalta dwar il-windfarms f’Montenegro.

Ftit jiem ilu inħarġu allegazzjonijiet dwar il-bejgħ u xiri tal-windfarm fil-Montenegro.

L-Enemalta kienet wieġbet dwar dawn l-allegazzjonijiet u qalet li mhux minnu li l-Enemalta ħallset €10.3 miljun sabiex takkwista l-wind farm fil-Montenegro kif allegat f’sezzjonijiet tal-midja ġimgħa ilu.

L-Enemalta fissret kif il-proġett kollu fil-Montenegro huwa frott kollaborazzjoni max-Shangai Electric Power biex isiru investimenti fi proġetti ta’ enerġija rinovabbli fl-Ewropa.

Semmiet li l-Enemalta kienet ftehmet li takkwista 100% tal-ishma fil-Montenegro biex imbagħad il-maġġoranza tal-ishma jgħaddu f’idejn diversi kumpaniji oħra li iżjed tard ingħaqdu f’konsorzju mal-Enemalta f’dan il-proġett.

Għaldaqstant, meta f’Diċembru 2015 l-Enemalta akkwistat il-windfarm fil-Montenegro hija ħallset €3.5 miljun. Il-prezz finali kellu jkun €10.3 miljun ewro iżda l-bqija ta’ dan l-ammont kellu joħroġ mill-membri l-oħra fil-konsorzju ladarba daħlu fil-proġett u xtraw l-ishma m’għand l-Enemalta.

Iktar min hekk, il-bqija tal-konsorzju kien ħallas lura man-nofs miljun ewro lill-Enemalta biex il-kumpanija Maltija tal-Enerġija ħarġet biss €2.9 miljun ewro, ferm ‘il bogħod mill-€10.3 miljun li kkwotaw sezzjonijiet tal-midja lokali.

L-Enemalta kienet mitluba mill-Gvern Montenegrin li żżomm 10% tal-ishma wara li jingħaqad il-konsorzju, fil-fatt meta l-Enemalta biegħet id-90% tal-ishma lill-bqija tal-konsorzju hija għamlet profitt ta’ €811,000.

L-Enemalta spjegat li għal dan il-proġett sar due diligence estensiv minn Shangai Electric kif ukoll mill-konsulenti legali u finanzjarji tagħha. Qalet li mill-individwi u l-kumpaniji kollha li ssemmew fil-midja, ħadd minnhom ma kien tela’ fid-due diligence li sar.

L-Enemalta temmet tgħid li d-diretturi tagħha dejjem żammew fuq quddiem l-aħjar interess tal-kumpanija u tal-azzjonisti tagħha u li dawn kienu kkonkludew li dan l-investiment kien fl-aħjar interessi kummerċjali tal-Enemalta.

Share With: