Il-liċenzji tal-vetturi skaduti issa jistgħu jiġġeddu sal-aħħar ta’ Awwissu

Transport Malta qed tagħti iktar żmien sabiex jiġġeddu l-liċenzji skaduti tal-vetturi, minħabba li ma setgħux jagħmlu l-VRT waqt il-pandemija COVID19. Is-sidien issa għandhom ċans sal-aħħar ta’ Awwissu 2020 biex iġeddu.

Bħala parti mill-miżuri biex titrażżan l-imxija tal-COVID19, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika kienet għalqet l-istazzjonijiet li joffru l-VRT, għaldaqstant għadd ta’ vetturi ma setgħux iġeddu l-liċenzja. Fl-4 ta’ Mejju 2020, meta tnaqqsu r-restrizzjonijiet, is-Supretendent awtorizzat il-ftuħ tal-istazzjonijiet tal-VRT f’ Malta u Għawdex. Transport Malta kienet estendiet id-data, sakemm jistgħu jiġġeddu l-liċenzji li skadew wara Marzu 2020, sal-aħħar ta’ Lulju.

Madanakollu għad baqa’ ammont konsiderevoli ta’ vetturi li l-liċenzja tagħhom għad trid tiġi mġedda, minħabba li nġabru għadd ta’ vetturi li jeħtieġu t-test u minħabba r-restrizzjonijiet. L-Awtorità għaldaqstant qed tagħti ċans xahar ieħor sabiex is-sidien jirregolarizzaw irwieħhom. Dan, kif imħabbar qabel, ma jfissirx li s-sidien jistgħu isuqu l-vettura tagħhom mingħajr polza tal-assikurazzjoni valida.

L-Awtorità tuża din l-opportunità sabiex tfakkar lis-sidien li dawk inkarigati mill-VRT jistgħu jirrifjutaw li jagħmlu t-test lill-vettura jekk din ma tkunx f’livell ta’ ndafa aċċettabbli kemm minn ġewwa kif ukoll minn barra.

Transport Malta tirringrazzja lil kulħadd tal-koperazzjoni sabiex niżguraw transizzjoni mingħajr problemi għan-normalità.

🇲🇹Il-liċenzji tal-vetturi 🚗🚙🚐 skaduti issa jistgħu jiġġeddu sal-aħħar ta’ Awwissu…

Posted by Transport Malta on Saturday, July 18, 2020
Share With: