Il-MAM tgħid li ninsabu f’periklu ta’ epidemija; Titlob li jitwaqqfu attivitajiet b’aktar minn 10 persuni

L-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) qed titlob lill-Gvern biex b’effett mit-Tnejn 3 ta’ Awwissu jwaqqaf il-permessi ta’ attivitajiet tal-massa li jkollhom aktar minn 10 persuni u jirtira permessi diġà approvati kif ukoll li l-faċilitajiet tas-saħħa pubblika jmorru lura għas-sitwazzjoni ta’ emerġenza li kienu fiha bejn Marzu u Ġunju.

F’ittra li kiteb lis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għas-Saħħa Joseph Rapa, is-Segretarju Ġenerali tal-MAM Martin Balzan iddikjara tilwima industrijali u akkuża lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru li qed jindaħal fix-xogħol tas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika.

Huwa semma l-kunċert u l-attività politika li fiha ħa sehem il-Prim Ministru, fejn qal li ma nżammitx id-distanza soċjali u lanqas intlibsu l-maskri, kif ukoll il-promozzjoni tal-attivitajiet tal-massa mill-awtoritajiet turistiċi.

Dr Balzan sostna li dan mhux biss wassal biex il-pajjiż jinsab f’periklu ta’ epidemija imma li anke nħolqot theddida għall-istaff mediku u l-familji tagħhom.

Il-MAM ħarġet tliet direttivi lill-membri tagħha fejn tobba vulnerabbli għandhom jagħmlu biss xogħol amministrativ u jevitaw kuntatt mal-pazjenti, it-tobba l-oħra jaraw li jagħmlu x-xogħol tagħhom u li jekk is-sitwazzjoni tibqa’ kif inhi jagħmlu biss xogħol ta’ emerġenza.

Dr Balan wissa wkoll li l-MAM qed tirriżerva d-dritt li tieħu azzjoni legali kontra kull min jieħu deċiżjoni, jew ma jieħux deċiżjoni, li biha tista’ tiġi mhedda saħħet il-membri tagħha.

Share With: