Il-marċi brijjużi jerġgħu jibdew … il-Ħadd se jsir l-ewwel marċ ta’ filgħodu

Miktub minn VICTOR VELLA

Wara erba’ xhur u nofs li fihom li l-attivitajiet esterni mal-festi fl-ibliet u l-irħula ma setgħux isiru minħabba l-imxija tal-COVID19, xi ħaġa li wasslet biex tħassru l-festi kollha għal din is-sena, issa fl-aħħar jiem wara li tneħħew xi restrizzjonijiet il-marċi brijjużi se jerġgħu jibdew.  Filfatt l-ewwel marċi saru lbieraħ u kienu  dawk magħrufa bħala  ta’ l-aħħar tridu. Il-festi li ċċelebraw bil-marċi brijjużi kienu il-festa tal-Madonna tal-Karmnu ż-Żurrieq, San Bastjan Ħal Qormi, San Ġużepp l-Imsida u l-festa ta’ San Ġużepp fil-Kalkara.  Dawn il-marċi wara li fl-ewwel Ħadd tal-Lulju kienu tnaqqsu r-restrizzjonijiet u ngħata l-permess biex isiru pellegrinaġġi. Il-festi li dakinhar ħarġu b’pellegrinaġġ kienu l-Kunċizzjoni fil-Ħamrun u Sant Andrija f’Ħal Luqa. Il-vara titulari tar-Rabat, San Pawl u dik tas-Sacro Cuor f’Tas-Sliema, se jinħarġu f’pellegrinaġġ f’Settembru.  Fir-Rabat, il-pellegrinaġġ bl-istatwa ta’ San Pawl se tinħareġ fil-21 ta’ Settembru u dan bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet marbutin mal-konsagrazzjoni tal-altar il-ġdid u l-għoti tat-titlu ta’ Bażilika. 

Il-Ħadd imbagħad se jsir l-ewwel marċ ta’ filgħodu minn mindu kienu twaqqfu l-festi. Dan se jkun fil-festa ta’ San Ġorg fir-Rabat Għawdex.

Festi oħra li diġa iddikjara li se jagħmlu marċ brijjuż hi dik ta’ Kristu Re f’Raħal il-Ġdid. 

Quddiem dan, kienu diversi dawk li bdew jistaqsu dwar marċijiet oħra fosthom ta’ filgħodu, b’mod partikolari dak tal-Ħamrun u dak ta’ Ħaż-Żabbar. Sa issa fuq dawn jidher li għadha ma ttieħdet ebda deċiżjoni. 

L-istennija fil-Ħamrun għall-festa ta’ San Gejtanu wasslet biex il-President tal-Għaqda Mużikali San Gejtanu, Nigel Vella, jiddikjara li “San Gejtanu kulħadd iħobbu u jistennih, imma nappellaw biex qabel isir ħafna diskors nistennew il-pubblikazzjoni tal-programm tal-festa fl-intier tiegħu. Tistennewx li San Gejtanu se jkun bħas-soltu, imma stennew li se niċċelebraw minn Ħadd sa Ħadd xorta waħda. Nappella biex f’sena iebsa li għadda minnha kulħadd, fejn qtajna qalbna li San Gejtanu konna se niċċelebrawh minħabba ċ-ċirkustanzi, issa li nbiddlu l-affarijiet fl-aħħar ġimgħat, ma nippretendux l-ilma jiżfen. Il-festa ġġib magħha spejjeż u sagrifiċċji kbar. Nittama li kull min tkellem biex isir il-festa jkun l-ewwel wieħed li jtaffi ftit minn dawn l-ispejjeż. Jien ma neħodha kontra ħadd li jkun irid il-marċijiet barra, iżda ftakru li l-Għaqda teżisti s-sena kollha u biex nagħmlu ġimgħa nifirħu f’Awwissu rridu naħdmu s-sena kollha. Din is-sena kulħadd jaf li 4 xhur minnhom telqu. Xorta l-Kumitat flimkien mal-Banda San Ġużepp qed jaħdem biex nieħdu pjaċir ilkoll, għax il-San Gejtanu u l-festa nħobbuha vera. Nappella għall-maturità, buon sens, koperazzjoni u għajnuna”.

Minn naħa tiegħu, Keith Micallef f’isem is-Soċjetà Mużikali San Ġużepp, qal li “socjetà li tixtieq tavża li l-programm finali għall-festa ta’ din is-sena għadu ma ġiex finalizzat filwaqt li għaddejjin b’konsultazzjoni mal-partijiet kollha involuti. Filwaqt li ninsabu konxji li jista’ jkun hemm żviluppi pożittivi, il-prudenza titlob li d-deċiżjonijiet li jittieħdu ikunu konformi mal-liġi imma fl-istess ħin fl-interess tas-Soċjetà. Hekk kif il-programm ikun finalizzat ikun komunikat minnufih.”

Share With: