Il-Ministru Falzon jgħid li hemm mas-700 persuna jieħdu l-methadone kuljum minħabba l-abbuż mill-eroina

Għal domanda tad-Deputat Nazzjonalista Claudio Grech, dwar kif is-sitwazzjoni tad-droga f’Malta qed dejjem tiggrava, il-Ministru Michael Falzon saħaq li “parti minn din il-problema hi ta’ kultura. Għandna 700 persuna jieħdu l-Methodone kuljum u dan għax jieħdu l-Eroina.”

Il-Ministru Falzon saħaq li l-Eroina ħarġet ftit mill-moda u splodiet il-kokaina. “Saret moda li tmur u tieħu linja u l-għada tmur għax-xogħol. Le mhux orrajt li tagħmilha u l-għada tmur ix-xogħol. Iva qed ikun hemm ħafna li jispiċċaw f’kundizzjonijiet mentali. Dan l-aktar fejn jidħlu id-drogi sintetiċi. Li ppruvajna nagħmlu bħala pajjiż huwa li għandna tliet postijiet ta’ kura. Hemm l-Oasi li hu programm qasir imma aktar intensiv. Hemm il-faċilità ta’ Santa Marija u hemmhekk qed nitkellmu fuq 26 klijent u hemm is-servizzi ta’ Caritas.”

Huwa żied jgħid li għal dan il-gvern joħroġ miljuni fis-sena. Tenna li “fil-bidu tas-sena d-dieħla ikollna xi ħaġa li ma kellniex. Ċentru għar-Riabilitazzjoni mid-Droga għal minuri. Qed nippruvaw nagħtu servizz multi dixxiplinarju. L-impenn qiegħed hemm imma hemm aktar x’nagħmlu. Bħala overdoses m’għadhomx daqshekk frekwenti. Irridu naraw li fejn nistgħu inkomplu ntejbu”.

Share With: