Il-Ministru tal-Edukazzjoni jiċċara li l-klassijiet ta’ reviżjoni online kienu parti mill-pjan oriġinali

Minn MELVIN FARRUGIA

Minkejja li xi ġenituri wrew tħassib peress li qegħdin isiru xi klassijiet ta’ reviżjoni għar-resits online, il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici ċċara ma’ inewsmalta li l-lezzjonijiet online huma biss komponent wieħed mis-sensiela tal-klassijiet li qegħdin isiru. Fil-fatt, hu qal li se jkun hemm komponent ieħor aktar tard, fejn l-istudenti jridu jattendi għal-lezzjonijiet fil-klassi. 

Il-Ministru Bonnici qal li minn din is-sena qegħdin isiru klassijiet ta’ reviżjoni kemm għall-Paper A u anke għall-Paper B. Sostna li fil-pjan għal dawn il-klassijiet kien miftiehem minn qabel li jkun hemm komponent online. 

Rigward is-sitwazzjoni, il-Ministru qal li applikaw 1,700 student għal dawn il-lezzjonijiet, iżda qegħdin jattendu 1,000 minnhom. Spjega li wħud ikunu ġabu marki tajbin jew jiddeċiedu li ma jmorrux għal-lezzjonijiet. 

Peress li hemm elf student, ġie deċiż li jinqasmu f’żewġ grupp kbar fejn l-ewwel wieħed ikollu lezzjonijiet nhar ta’ Tnejn, l-Erbgħa u l-Ġimgħa. Il-grupp l-ieħor ikollu lezzjonijiet nhar ta’ Tlieta, il-Ħamis u s-Sibt. Dawn iż-żewġ gruppi kbar imbagħad inqasmu fi gruppi iżgħar li qegħdin jiġu mgħallma bil-mod tradizzjonali fil-klassi, kif ukoll f’lezzjonjiet online. Dawn il-lezzjonijiet qegħdin isiru minn erba’ ċentri fejn anke għal-lezzjonijiet online, l-għalliema jridu jmorru biex jagħtu l-lezzjoni minn hemm. 

Intant il-Bord tal-Matsec qal li s-sessjoni speċjali tal-eżamijiet tas-SEC u l-Matrikola se jkunu qed jiżvolġu hekk kif pjanat. Fl-istess waqt il-Bord assigura l-kandidati kollha li se jkunu qed jittieħdu l-miżuri prekawzjonarji kollha neċessarji biex tiġi salvagwardjata s-saħħa tagħhom, tal-inviġilaturi u tal-eżaminaturi billi se jkunu segwiti l-linji gwida maħruġin mill-awtoritajiet kompetenti.

Share With: