Il-Parlament Ewropew b’allarm dwar tfal li qed jinħatfu fil-Ġappun mingħand ġenituri Ewropej

Il-membri parlamentari Ewropej huma mħassib dwar l-ammont kbira ta’ tfal maħtufin minħabba n-nuqqas mill-awtoritajiet Ġappuniżi li jimxu mal-liġijiet internazzjonali. 

F’riżoluzzjoni li ġiet adottata lbieraħ, il-Parlament Ewropew esprima tħassib dwar il-benesseri tat-tfal b’riżultat li dawn it-tfal fil-Ġappun jinħatfu minn ġenitur. Talab ukoll lill-awtoritajiet Ġappuniżi biex jinforzaw ir-regoli internazzjonali dwar il-protezzjoni tat-tfal u biex jintroduċu bidliet fis-sistemi legali tagħhom biex jippermettu l-kustodja maqsuma. 

Il-Parlament Ewropew qal li jiddispjaċih li wieħed mill-imsieħba strateġiċi tal-Unjoni Ewropea ma jidhirx li qed jimxi mar-regoli internazzjonali dwar ħtif ta’ tfal. Ħeġġeġ lill-awtoritajiet Ġappuniżi biex jinforzaw deċiżjonijiet tal-Qorti domestika u ta’ barra l-pajjiż dwar ir-ritorn tat-tfal u l-aċċess u d-drittijiet ta’ żjarat wara li r-relazzjoni tal-ġenituri tkun spiċċat, biex il-liġi domestiċi jkunu skont l-obbligi internazzjonali.  

Il-Membri Parlamentari Ewropew irrimarkaw li s-salvagwardja tal-aqwa interess tat-tfal għandha tkun it-tħassib primarju, filwaqt li talbu biex każi ta’ ħtif ta’ tfal jiġu solvuti malajr biex jiġu evitati konsegwenzi koroh fuq it-tfal u fuq ir-relazzjoni futura mal-ġenitur li m’għandux il-kustodja. 

Il-Parlament Ewropew irċieva numru ta’ appelli fis-snin li għaddew dwar każi fejn ġenituri Ġappuniżi ħatfu lil uliedhom jew inkella naqsu milli jonorow l-obbligu li juru l-ulied lill-ġenitur l-ieħor li hu ċittadin tal-Unjoni Ewropea. 

Din il-kwistjoni ngħatat attenzjoni internazzjonali fl-2019 meta l-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel, il-President Franċiż Emmanuel Macron u l-Prim Ministru Taljan Giuseppe Conti kienu tkellmu mal-Prim Ministru Ġappuniż Shinzo Abe għan-nom ta’ ġenituri li kienu mħassba. Kien tressaq ukoll ilment uffiċjali s-sena li għaddiet mal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Ġnus Magħquda.

Share With: