Il-Prim Ministru jinsisti għal mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni awtomatiku

Il-Prim Ministru Robert Abela insista għal mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni ta’ immigranti li jiskatta b’mod awtomatiku u li permezz tiegħu jiġu indirizzati sitwazzjonijiet bħal dawk li qegħdin jiżviluppaw bħalissa fil-Mediterran. 

Dr Abela saħaq dan f’laqgħa li kellu fil-Berġa ta’ Kastilja mar-Rappreżentat Għoli tal-Politika Barranija u s-Sigurtà tal-Unjoni Ewropea Josep Borrell li jinsab f’Malta għal taħditiet dwar l- immigrazzjoni u s-sitwazzjoni fil-Libja. 

Bi kliem ċar, il-Prim Ministru saħaq li waqt Malta tibqa’ kommessa għall-proġett Ewropew, Malta qiegħda titlob għal solidarjetà tanġibbli u għal azzjoni konkreta dwar kwistjonijiet ta’ importanza fundamentali bħal dik tal-immigrazzjoni irregolari. 

Il-Prim Ministru qal li t-tkabbir ekonomiku huwa pre-kundizzjoni għall-istabbilità fir-reġjun u sostna li l-iżvilupp ekonomiku, il-paċi u l-istabbilità fil-Libja huma kruċjali. 

Waqt li għamel referenza għat-taħditiet li kellu lbieraħ mal-President tal-Kunsill tal-Presidenza Libjan tal-Gvern tal-Għaqda Nazzjonali tal-Libja, qal li bħala Unjoni Ewropea rridu niddiskutu l- aqwa mod ta’ kif nimpenjaw ruħna aħjar mal-isħab tagħna fl-Afrika biex nippromwovu l-investiment u l-iżvilupp sostenibbli. Fl-istess waqt qal li rridu naħdmu biex insaħħu l-fruntieri esterni kemm fuq l-art u kemm fuq il-baħar biex nassiguraw sigurtà akbar iżda wkoll biex nevitaw it-telf tal-ħajjiet. 

Dwar dan qal li fl-aħħar ġimgħat il-Gvern intensifika d-diskussjonijiet tiegħu mal-isħab Libjani. Qal li l-Libja għenet lil Malta b’diversi modi u kellha rwol kruċjali ħafna biex issalva l-ħajjiet fil- baħar. Sostna li l-Unjoni Ewropea għandha wkoll rwol importanti f’dan u qal li dan huwa proprju dak li l-pajjiżi membri wegħdu li jagħmlu fil-Malta Declaration. 

Il-Prim Ministru tenna li l-pożizzjoni ta’ Malta dwar l-IRINI, il-missjoni Ewropea sabiex jitwaqqaf it-traffikar tal-armi lejn il-Libja ma nbidlitx għal numru ta’ raġunijiet. 

Sostna li baqgħet ma waslitx għajnuna konkreta u biżżejjed dwar il-migrazzjoni mill-Unjoni Ewropea. Qal li waqt li huwa minnu li hemm numru ta’ pajjiżi Ewropej li offrew appoġġ konkret fil- kwistjoni tar-rilokazzjoni tal-immigranti, dak in-numru li huwa inkoraġġanti, għadu żgħir meta mqabbel mat-total ta’ immigranti li jinsabu f’pajjiżna. 

Hawnhekk il-Prim Ministru għamel referenza għall-aħħar każ ta’ salvataġġ ta’ 52 immigrant fil- Mediterran u staqsa għaliex qiegħda ssir pressjoni fuq Malta biex iddaħħal dawn l-immigranti wara li l-Italja rrifjutat li ddaħħalhom fil-port tagħha minkejja li dan kien l-iktar wieħed sigur. Waqt li sostna li din hija kwistjoni umanitarja, innota li wieħed fil-mija tal-popolazzjoni ta’ pajjiżna huma immigranti li wħud minnhom spiċċaw jorqdu fid-daħla tal-Belt. 

Il-Prim Ministru sostna li s-solidarjetà għandha tinbidel f’għajnuna konkreta u tenna li l-problema tal-immigrazzjoni hija problema Ewropea. 

“Qegħdin nitkellmu dwar fruntieri Ewropej mhux biss Maltin u għalhekk l-appell tagħna għal għajnuna konkreta”, saħaq il-Prim Ministru waqt li enfasizza l-ħtieġa ta’ mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni awtomatiku. 

Dak li għandna f’idejna llum huwa eżempju klassiku ta’ sistema li falliet u li ilha tiġi diskussa għal bosta snin iżda li sfortunatament ma wasslitx għal mekkaniżmu tanġibbli li jista’ jidħol fis-seħħ b’mod awtomatiku. 

Dr Abela fisser ir-relazzjonijiet bejn Malta u l-Libja bħala eċċellenti u qal li dawn huma msejsa fuq fiduċja reċiproka. Sostna li minkejja d-diffikultajiet li kienet għaddejja minnhom, fl-eqqel tal- pandemija kienet il-Libja li għenet lil Malta fil-kwistjoni tal-immigrazzjoni. 

Dwar il-Multiannual Financial Framework, il-Prim Ministru qal li jinsab konvint li taħt il-Presidenza Ewropea tal-Ġermanja se jkun qiegħed jintlaħaq ftehim li fi kliemu huwa kruċjali li jintlaħaq malajr kemm jista’ jkun. 

Minn-naħa tiegħu, ir-Rappreżentant Għoli tal-Politika Barranija u s-Sigurtà tal-Unjoni Ewroepa Josep Borrell stqarr li Malta għandha parti importanti mis-soluzzjoni għall-kwistjoni tal- immigrazzjoni. Huwa għaraf li Malta qiegħda tħabbat wiċċha ma’ problema kbira bl-immigrazzjoni u sejjaħ għal soluzzjoni dejjiema u biex din il-kwistjoni tiġi indirizzata malajr kemm jista’ jkun. 

Huwa għaraf ukoll li l-Unjoni Ewropea għandha tħares lejn pjan ġdid ta’ kif għandha tiġi indirizzata din il-kwistjoni. 

Share With: